Anzjani ta’ 80 sena jew aktar, għandhom igawdu mill-benefiċċju tal-enerġija b’mod awtomatiku. Miżura li se tkun tfisser investiment ta’ aktar minn €3 miljun li minnha jibbenefikaw mal-14,000 anzjan u anzjana.
Hekk propona d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li qal li jekk jingħata l-fiduċja biex ikun fit-tmun tal-Partit Laburista – u eventwalment tal-pajjiż – se jara li jħaddem din il-proposta biex tħalli aktar flus fil-but u l-anzjani jkomplu jgħixu ħajja aħjar.
Din il-proposta se tara li persuni miżżewġa jew waħedhom li għandhom 80 sena jew aktar, ma jibqax ikollhom bżonn joqgħodu għat-test tal-mezzi biex jikkwalifikaw minn aktar roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma permezz tal-benefiċċju tal-enerġija.
Dr Fearne stqarr: “Parti mill-viżjoni tagħna bħala Partit Laburista fil-Gvern hi li naraw li f’pajjiżna kulħadd jgħix ħajja tajba. Ilbieraħ ħabbart kif jekk inkun Prim Ministru jien, naraw li nżidu ċ-children’s allowance biex noħorġu kemm jista’ jkun tfal minn sitwazzjonijiet diffiċli finanzjarjament. Illum ħabbarna wkoll li dawk il-persuni ’l fuq minn 80 sena ħa jkunu jistgħu japplikaw b’mod awtomatiku biex jingħataw benefiċċju għall-enerġija.”
Chris Fearne temm jgħid li l-anzjani huma għal qalbu daqs it-tfal għaliex trawwem f’partit li dejjem jaħseb f’dawk l-aktar vulnerabbli.