Matul il-pandemija, ħaddiema li jaħdmu mid-dar fis-Servizz Pubbliku żdiedu.
Dan ħareġ minn Mistoqsijiet Parlamentari, li ħareġ kif dawk li jaħdmu fil-Ministeri u jaħdmu mid-djar, żdiedu.
Minn wara s-7 ta’ Marzu, mitejn u seba’ persuni bdew jaħdmu permezz tat-telework fl-aġenziji li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Dan ifisser li żdiedu b’sitt darbiet in-nies minn qabel, fejn qabel kien hemm tmienja u għoxrin persuna.
Filwaqt li fl-aġenziji tal-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, sittax-il persuna aktar bdew jaħdmu minn djarhom. Hekk kif qabel il-pandemija kien hemm erbgħa u tletin persuna, filwaqt li wara kien hemm ħamsin persuna.
Dwar dan ONE News tkellem mas-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, li qal kif il-fażi tat-tiġdid fis-Servizz Pubbliku se tkompli tinkludi dawk li jaħdmu mid-dar.
Qal kif, “It-teleworking mal-Gvern ma waqaf qatt, anzi l-Gvern huwa leader fejn jidħol it-teleworking. Wieħed irid jgħid li matul l-imxija, is-settur privat ingħata inċentiv biex jibgħat in-nies jaħdmu mid-dar, aħna ma kienx hemm bżonn dan l-inċentiv għax mil-lum għal għada qlibna. Ma tistax inti taqleb daqshekk malajr minn servizz fl-uffiċini għal servizz fid-djar, jekk inti ma tkunx ippreparat u tkun diġa ħaddimt is-sistema.”
Il-Kap taċ-Ċivil qal li min qed jikkritika lil gvern, li m’hemmx teleworking dan m’huwiex minnu.
Spjega kif, “Mhux talli għandna, talli żdiedu bil-goff, it-talbiet għal teleworking u d-direzzjoni hija ċara, fl-imxija bħalissa, id-direzzjoni hija ċara li minkejja dak li jgħidu r-regoli, kemm jista’ jkun u din bil-miktub, kemm jista’ jkun talbiet għal teleworking ma jiġux irrifjutati, basta s-servizz lill-klijent jibqa’ dak li hu ta’ livell tajjeb ħafna.”