L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, il-VCA, nediet l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ ‘Christmas in the Capital’, b’investiment rekord ta’ madwar nofs miljun ewro.
Dawn l-attivitajiet, li d-dħul għalihom hu kollu b’xejn, se jżewqu l-esperjenza ta’ dawk kollha li jżuru l-kapitali mill-ħamsa u għoxrin ta’ Novembru sal-aħħar tas-sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet, fejn tnieda l-programm tal-attivitajiet, ġie spjegat kif dawn se jkunu qed jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. Fil-fatt, minbarra għadd ta’ kunċerti bis-sehem ta’ numru konsiderevoli ta’ artisti lokali, se jirritornaw ukoll tradizzjonijiet reliġjużi marbutin ma’ dan iż-żmien ta’ festi, bħall-purċissjoni bil-Bambin f’Lejlet il-Milied.
L-attivitajiet kollha se jittellgħu fl-isfond ta’ aktar investiment fl-armar tal-Milied dan hekk kif, għall-ewwel darba, se tinxtegħel ukoll Triq in-Nofisnhar, bħalma jinxtegħelu Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti.
Se jkun qed jintrama wkoll presepju artistiku biswit id-daħla tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Pjazza Tritoni wkoll se tkun qed tilbes għall-Milied b’siġra ta’ wieħed u għoxrin metru jew madwar seba’ sulari, flimkien mal-palk minn fejn se jittellgħu l-prestazzjonijiet tal-artisti.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, spjega x’jista’ jistenna l-pubbliku Malti u Għawdxi u dawk kollha li jkunu fostna f’dan il-perjodu festiv.
“Meta wieħed jirreferi u jara li dawn huma kollha attivitajiet bla ħlas mill-bidu sal-aħħar, għax dawn l-attivitajiet jibdew mill-25 ta’ Novembru sal-aħħar tas-sena, naħseb li dan hu investiment ta’ bilħaqq xieraq għall-poplu Malti u Għawdxi kollu, fl-isbaħ belt li naturalment għandna f’pajjiżna, li tant tagħmilna kburin, il-Belt Valletta.”
Il-Ministru responsabbli mill-qasam kulturali, Owen Bonnici, li kien preżenti għal din it-tnedija, irrimarka s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma li qed issir biex tittella’ din l-edizzjoni ta’ ‘Christmas in the Capital’, filwaqt li spjega l-għan wara dan l-investiment konsiderevoli.
“Fil-fehma tiegħi din hi xi ħaġa mill-isbaħ, għax dawn l-avvenimenti kulturali ma kinux isiru b’dan il-mod fi żmien passat u qed naraw issa din il-ħidma kollha dejjem iżżid biex inkomplu bis-saħħa tal-kultura noħolqu memorji sbieħ.”
Kull min hu interessat hu mħeġġeġ jikseb aktar informazzjoni minn fuq is-sit vca.org.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.