Mill-bidu tas-sena sal-aħħar ta’ Novembru li għadda ġiet rreġistrata l-ogħla rata ta’ traffiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta dan hekk kif inqabżet iċ-ċifra rekord ta’ 6,014,548 moviment tal-passiġġieri fis-sena, li kienet ntlaħqet għall-ewwel darba f’Diċembru li għadda.
L-istaġun tax-xitwa tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta beda b’saħħtu anke dis-sena, hekk kif it-traffiku f’ Novembru laħaq 453,563 moviment tal-passiġġieri, li tfisser żieda ta’ 11.8% fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet.
L-ogħla rata ta’ moviment tal-passiġġieri ġiet osservata nhar l-4 ta’ Novembru, fl-istess jum meta t-traffiku tas-sena sa issa fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qabeż iċ-ċifra ta’ 6 miljun passiġġier.
Iż-żieda fit-traffiku tal-passiġġieri rriżultat mit-tnedija ta’ skeda tax-xitwa iktar b’saħħitha, li tinkludi titjiriet iktar frekwenti lejn destinazzjonijiet popolari, u 12-il rotta tas-sajf estiżi għall-istaġun tax-xitwa.
Il-movimenti tal-ajruplani żdiedu b’10.4% għal 3,357 tlugħ u nżul f’Novembru 2018, filwaqt li l-għadd ta’ sits disponibbli żdied bi 11.5% meta mqabbel mal-2017. Kważi 4 minn kull 5 postijiet disponibbli mtlew, u dan wassal biex is-seat load factor (SLF) għax-xahar ta’ Novembru laħħaq id-79.2%.
Ma kien hemm l-ebda tibdil fl-aqwa ħames swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, hekk kif ir-Renju Unit baqa’ fil-quċċata tal-lista, segwit mill-Italja, il-Ġermanja, Franza u Spanja.
Erbgħa minn dawn il-ħamest iswieq irreġistraw tkabbir sinifikanti matul ix-xahar ta’ Novembru, minn tkabbir ta’ 7.4% fil-każ tar-Renju Unit sa tkabbir ta’ 66.5% fil-każ ta’ Spanja. It-tkabbir sinifikanti li rreġistra s-suq Spanjol irriżulta mill-estensjoni ta’ tliet rotot introdotti fis-sajf lejn Sevilja, Valencia u Malaga għall-istaġun tax-xitwa, kif ukoll mit-titjiriet iktar frekwenti lejn Barċellona.
Is-suq Ġermaniż kien l-uniku wieħed mill-aqwa ħamest iswieq tal-ajruport li rreġistra tnaqqis ta’ 0.8% fil-movimenti tal-passiġġieri.
Dawn ir-riżultati mhux biss jirriflettu bidu promettenti għall-istaġun tax-xitwa għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, iżda jikkonfermaw ukoll li l-ajruport miexi fid-direzzjoni t-tajba biex jagħlaq sena oħra b’numru rekord ta’ passiġġieri.