Il-programm popolari ‘l-Milied f’Ghawdex’ ġie fi tmiemu bil-wasla tat-Tlett Slaten Maġi f’Bethlehem f’Għajnsielem. Għal sena oħra, n-negozju f’Għawdex esperjenza riżultati tajbin ħafna u dan grazzi għall-investiment qawwi li qed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex f’dan iż-żmien tas-sena.
Minn statistika maħruġa mill-Gozo Channel, jirriżulta li matul ix-xahar ta’ Diċembru 2018 sas-6 ta’ Jannar 2019, qasmu b’kollox 501,907, passiggier u 156,343 vettura ikkomparat ma’ 464,837 passiggier u 141,349 vettura li qasmu l-fliegu f’dan l-istess perjodu s-sena l-oħra. Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 8% fuq in-numru ta’ passiġieri u żieda ta’ 11% fil-vetturi li qasmu il-fliegu. L-aktar ġurnata traffikuża kient is-Sibt, 30 ta’ Diċembru 2018 fejn qasmu b’kollox 25,186 passiġier u 5,670 vettura fuq 76 vjaġġ li operat il-kumpanija Gozo Channel.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana laqgħet dawn iċ-ċifri inkoraġġanti fejn Għawdex ra influss qawwi tat-turisti, kemm Maltin kif ukoll barranin, li għażlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni tagħhom għal dawn il-festi. L-Onor Caruana qalet kif dan l-influss u żieda fin-numri mhix kumbinazzjoni imma grazzi għall-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex li għaraf itella programm vast matul dawn il-jiem ta’ ferħ, liema programm kien mifrux madwar Għawdex kollu u li żgur laqat il-gosti ta’ kulħadd.
Il-Ministru għal Għawdex stqarret li s-sidien ta’ stabbilimenti u restoranti kienu ferm sodisfatti bl-influss ta’ persuni f’dan il-perjodu u faħħru l-mod strutturat u maħsub ta’ kif ġie maħdum il-programm minn naħa tal-Ministeru għal Għawdex. L-Onor. Caruana stqarret li dawn ir-riżultati jimlewn b’kuraġġ biex fil jiem u xhur li ġejjin, f’Għawdex jiġu organizzati aktar avvenimenti kulturali ta’ livell. Il-Ministru Caruana fakkret kif diġa ġie varat dan il-proġramm kulturali liema programm jinsab disponibbli fis-sit visitgozo.com
Is-Sur Joe Muscat, CEO tal-Gozo Tourism Association qal li f’dawn il-ġranet festivi l-andament turistiku f’Għawdex kien wieħed tajjeb ħafna. Minn rapporti li għandna minn diversi kategoriji fis-settur turistiku fil-Gzira Għawdxija, jidher li l-perjodu tal-Milied u l-ewwel tas-sena kien l-aħjar wiehed f’dawn l-aħħar snin. In-numru ta’ viżitaturi f’Għawdex kien wieħed evidenti bil-lukandi Għawdxin jirrappurtaw domanda tajba ħafna ghall-akkommodazzjoni, filwaqt li anke l-farmhouses rrappurtaw li kellhom okkupanza tajba b’mod speċjali fil-weekend ta’ aħħar tas-sena. Id-domanda fl-akkommodazzjoni kienet kemm mis-suq domestiku kif ukoll mis-suq barranin. Settur ieħor li rrappurtaw perjodu festiv tajjeb kien dak tar-ristoranti. Din il-kategorija kellhom jiem impenjattivi ħafna matul il-ġimgħa bejn il-Milied u l-ewwel tas-Sena.
Is-Sur Joe Borg, f’isem il-Gozo Business Chamber sostna li l-kampanja ‘l-Milied f’Għawdex’ organizzata mill-Ministeru għal Għawdex żgur li laħqet l-aspettativi tagħha. Is-Sur Borg stqarr li l-fatt li Għawdex ġie irreklamat bħala l-post ideali biex persuna tgawdi dawn il-jiem ta’ festi żgur li kella impatt pożittiv.