Aktar minn nofs miljun persuna rreġistraw biex jieħdu d-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-Coronavirus f’ġurnata waħda fir-Renju Unit, minkejja li s-sit elettroniku tas-saħħa waqa’ diversi drabi minħabba l-eluf kbar ta’ nies li daħlu biex jibbukjaw.
Il-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson ħabbar din iċ-ċifra l-għada li wiegħed li l-booster se tiġi offruta lil kull min għandu aktar minn tmintax-il sena sal-31 ta’ Diċembru.
Fil-postijiet fejn qed tingħata l-booster iddominaw kjuwijiet kbar, b’uħud kellhom jistennew xejn inqas minn ħames sigħat biex jitlaqqmu.
Il-Prim Ministru u s-Servizz tas-Saħħa Ingliż qed jappellaw għall-voluntiera biex jgħinu fit-tmexxija taċ-ċentri ta’ vaċċinazzjoni u biex jagħtu t-tilqim.
Ingħad li matul il-ġimgħa, mijiet ta’ siti oħra se jinfetħu biex minnhom jingħata t-tilqim, fosthom biswit grawnds tal-futbol u ċentri tax-xiri.