- It-traffiku f’Mejju jikber b’14.4% fuq is-sena li għaddiet
- Mejju t-tieni xahar li jirreġistra aktar minn nofs miljun moviment tal-passiġġieri din is-sena
- L-aqwa 5 swieq tal-MIA jibqgħu jikbru wara titjib fil-kapaċità lejn dawn id-destinazzjonijiet
Hekk kif is-sajf għall-industrija tal-avjazzjoni dieħel ġmielu, it-traffiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kompla bix-xejra pożittiva li qabad tul ix-xhur li għaddew, u Mejju rreġistra tkabbir ta’ 14.4% fin-numru ta’ passiġġieri fuq l-istess żmien is-sena li għaddiet.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ total ta’ 548,354 passiġġier f’Mejju, jiġifieri ’l fuq minn 68,000 passiġġier aktar meta mqabbel ma’ Mejju 2016.
Din iż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri hija ekwivalenti għal 12-il ajruplan kummerċjali addizzjonali b’180 passiġġier abbord kuljum tul ix-xahar kollu. Dan it-tkabbir kien xprunat minn żieda ta’ 12.5% fil-movimenti tal-ajruplani u żieda ta’ 15.1% fis-sits disponibbli fuq it-titjiriet.
Min-naħa l-oħra, is-seat load factor (SLF), li jkejjel l-effiċjenza tal-linji talajru fil-mili ta’ dawn is-sits disponibbli, naqas marġinalment b’0.9 punti perċentwali u kien ta’ 80.5%.
L-aqwa ħames swieq tal-ajruport baqgħu l-istess tul dawn l-aħħar xhur, bir-Renju Unit jokkupa lewwel post fil-lista segwit mill-Italja, il-Ġermanja, Franza u l-Belġju.
Dawn il-ħames swieq irreġistraw diversi livelli ta’ tkabbir, li beda minn żieda ta’ 10.0% għad-destinazzjonijiet fil-Ġermanja u laħaq il- 132% fir-rigward tat-traffiku minn Brussell.
Dawn ir-riżultati pożittivi nkisbu wara li tnediet l-iskeda tas-sajf tal-MIA, li toffri mal-130 titjira kuljum.