- Ix-xhur tas-sajf irreġistraw tkabbir ta’ 6.3% fuq is-sena li għaddiet
- Għall-ewwel darba, Ottubru rreġistra aktar minn nofs miljun moviment tal-passiġġieri
- L-MIA tinsab ottimista dwar il-perjodu tax-xitwa, hekk kif qed taspira li sal-aħħar tas-sena tilqa’ 5 miljun passiġġier
Is-sajf ingħalaq fuq nota tajba fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bi 3,645,812 moviment tal-passiġġieri rreġistrati li jindikaw li kien hemm tkabbir ta’ 6.3% fuq is-sajf preċedenti.Tul il-perjodu tas-sajf – li jibda fl-aħħar ta’ Marzu u jispiċċa fl-aħħar ta’ Ottubru għall-industrija tal-avjazzjoni – l-ajruport laqa’ mal-210,000 passiġġier aktar mill-istess perjodu fl-2015. Dawn iċ-ċifri jindikaw li s-sajf li għadda kien l-aktar sajf impenjattiv għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.Ħarsa lejn Ottubru turi li dan ix-xahar esperjenza tkabbir ta’ 10.4% fuq l-2015, biex għall-ewwel darba rreġistra aktar minn nofs miljun passiġġier.