- Lulju jesperjenza tkabbir ta’ 5.9% fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet
- Is-suq Spanjol jerġa’ jistabbilixxi ruħu bħala wieħed mill-aqwa swieq tal-MIA
- Aktar minn 2 miljun passiġġier jgħaddu mill-MIA fix-xhur tas-sajf s’issa
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar li f’Lulju biss għaddew aktar minn 580,000 passiġġier mill-ajruport; kważi daqs il-popolazzjoni tal-akbar belt tal-Iskozja, Glasgow.
Din iċ-ċifra għal Lulju tfisser li kien hemm żieda ta’ 5.9% fil-movimenti tal-passiġġieri fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet minħabba żieda fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet ta’ 3.1% u seat load factor (SLF) imtejjeb. B’effiċjenza ta’ 88% fil-mili ta’ dawn il-postijiet, is-seat load factor tax-xahar li għadda stabbilixxa rekord ġdid għal Lulju.
L-aqwa ħames swieq baqgħu relattivament l-istess, bir-Renju Unit iżomm l-ewwel post segwit mill- Italja, il-Ġermanja u Franza. Bi tkabbir sostanzjali ta’ 20.8%, Spanja kisbet il-ħames post u b’hekk reġgħet dehret mal-aqwa swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-ewwel darba din is-sena. Dawn ir-riżultati inkoraġġanti jindikaw li l-ħidma tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sabiex jerġa’ jirkupra t-traffiku minn Spanja qed tagħti l-frott. Is-suq Spanjol esperjenza l-ogħla rata ta’ tkabbir meta mqabbel mas-swieq l-oħrajn.
Intant, is-suq Ġermaniż kellu t-tieni l-aktar tkabbir sostanzjali b’rata ta’ 10.6%. Dan it-tkabbir irriżulta mill-introduzzjoni ta’ rotot ġodda lejn Berlin, Cologne, Düsseldorf u Karlsruhe.
Meta wieħed iqis l-movimenti tal-passiġġieri f’Lulju jirriżulta li n-numru totali ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport fix-xhur tas-sajf sa issa jaqbeż iż-żewġ miljuni.
Il-ġimgħa li għaddiet, Skytrax, organizzazzjoni ta’ awditjar ewlenija fl-industrija tat-trasport bl-ajru, tat erba’ stilel lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. It-terminal kellu prestazzjoni tassew tajba f’ħafna mill-oqsma li ġew awditjati u ġie mogħti aktar minn erba’ stilel għas-sistema tat-tabelli tiegħu, is-sit il- ġdid, il-faċilitajiet ta’ parkeġġ, l-Internet u l-Wi-Fi, ir-ristoranti li joffri, u l-lounges ta’ La Valette.