Fuq il-bjut tad-djar u negozji f’Malta u Għawdex hawn aktar minn nofs miljun pannella nstallati.
Ċifri li kiseb ONE News mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma juru li b’kollox dawn il-panelli jammontaw għal ħamsa u għoxrin elf sistema.
L-inġinier Sandro Lauri mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-ilma, spjega li għoxrin elf sistema twaħħlu minn familji u intrapriżi li bbenefikaw minn skemi ta’ Gvern Laburista bejn l-elfejn u tlettax u l-elfejn u tmintax.
“Bħalissa hawn madwar 25,000 sistema diġá nstallata. Għoxrin elf minnhom bejn wieħed u ieħor huma fuq bjut residenzjali, il-bqija huma fuq bjut kummerċjali u sistemi kbar li qed jinbnew mal-art.” Stqarr l-Inġinier.
F’seba’ snin, il-Gvern investa 146 miljun ewro fi skemi għal panelli fotovoltajiċi.
“Nistmaw li l-Gvern diġá nvesta madwar 146 miljun ewro li minnhom 110 miljuni huma feed-in tariffs u l-oħrajn huma forma ta’ grants. Dan apparti l-investiment mis-settur privat u fondi li jkunu ġew mill-Unjoni Ewropea.” Kompla jgħid Lauri.
Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-mira li sal-elfejn u għoxrin, 10% tal-enerġija tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, tkun iġġenerata minn sorsi rinovabbli.
L-inġinier spjega li pajjiżna jinsab miexi paripassu ma’ din il-mira hekk kif sal-aħħar tal-2018 Malta kellha tmienja fil-mija (8%) tal-energija, iggenerata minn sorsi rinovabbli.
“L-aħħar figuri li għandna għalkemm m’humiex uffiċjali jidher li lħaqna madwar 8% fl-aħħar tal-2018 u allura qiegħdin paripassu ma’ żieda ta’ 1% fis-sena jiġifieri jekk sal-2019 jerġa’ jkollna 1% ieħor inkunu 9% u fl-2020 inkunu lħaqna u lqattna l-mira ta’ 10%.” Ikkonkluda l-Inġinier Lauri.