Il-Federazzjoni Dinjija tal-Obeżità qed twissi li sal-2035, aktar minn nofs il-popolazzjoni dinjija se tkun ikklassifikata bħala obeża jew b’piż żejjed jekk ma tittiħidx azzjoni.
Ir-rapport tal-Federazzjoni jgħid li aktar minn erba’ biljun persuna se jiġu affettwati, bir-rati l-aktar mgħaġġla jkunu fost it-tfal.
Fil-fatt, ir-rapport juri li r-rati tal-obeżità fost it-tfal u ż-żgħażagħ se jirduppjaw mis-sena 2020, kemm fost il-bniet u anki s-subien.
L-akbar żidiet mistennija jkunu f’pajjiżi bi dħul baxx jew medju fl-Afrika u fl-Asja.
Ir-rapport ibassar li l-ispiża fuq l-obeżità sal-2035, se tiswa aktar minn erba’ triljun dollaru Amerikan fis-sena.
Il-President tal-Federazzjoni, il-Professur Louise Baur, iddeskriviet dak li ħareġ mir-rapport bħala twissija ċara lill-pajjiżi biex jaġixxu issa, jew jirriskjaw riperkussjonijiet fil-futur.