Analiżi tal-benefiċċjarji tal-iskema tal-first-time buyers, li saret mill-Awtorità tad-Djar, tindika li hemm aktar żgħażagħ li jgawdu mill-għajnuna biex isiru sidien ta’ djarhom u qed jixtru proprjetajiet meta jkunu waħedhom.
Fil-fatt mill-istħarriġ tal-awtorità jirriżulta li minn dawk li din is-sena bdew igawdu mill-iskema tal-€1,000 fis-sena għal għaxar snin konsekuttivi 52% persuna huma single, b’55% huma rġiel.
F’kumment ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, tenna li l-istrateġija li qed jimxu fuqha hi li din taġixxi skont id-demografija ta’ pajjiżna u t-tibdiliet li ġġib magħha.
Qal, “Fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna, inżommu dejjem l-istabilità tal-familji, tal-komunitajiet tagħna. Permezz ta’ dan ir-rapport, li hu l-mod u l-istrateġija kif naħdmu bħala Awtorità tad-Djar, se nkunu qegħdin naraw x’qed jiġri fid-demografija ta’ pajjiżna, it-tibdiliet u x-xejriet b’mod real-time u, permezz ta’ dawn l-istess rapporti, inkunu nistgħu nintervjenu biex intejbu u nkomplu nibnu fuq l-iskemi li diġà għandna, biex verament inkunu qed nagħmlu d-differenza, kif ukoll noffru aktar stabilità permezz ta’ għajnuniet differenti.”
Fil-maġġoranza assoluta, jew 95%, dawk li applikaw għall-benefiċċju tal-Gvern għandhom bejn 25 u 34 sena, waqt li r-residenzi nxtraw f’66 lokalità, l-aktar f’San Pawl il-Baħar, iż-Żurrieq, Birkirkara, il-Mosta u Ħaż-Żabbar f’Malta, u x-Xagħra, in-Nadur u Ta’ Sannat f’Għawdex.
Mat-48% tal-benefiċċjarji għażlu li jibqgħu jgħixu fl-istess lokalità fejn trabbew mal-ġenituri tagħhom.
Waqt li l-appartamenti kienu l-aktar proprjetajiet popolari mas-single, iżjed mill-koppji, il-prezzijiet tagħhom kienu jvarjaw bejn €150,000 u €250,000.
Min-naħa l-oħra, dawk li xtraw residenza bħala koppja għażlu proprjetajiet li jvarjaw aktar fil-prezz. Minn dawn, 34% investew f’residenza, li tiswa bejn il-€250,000 u t-€300,000, 14% xtraw proprjetà ta’ bejn it-€300,000 u t-€350,000, waqt li 15% għażlu li jixtru proprjetà ta’ aktar minn €400,000.