Madwar 150 persuna li marru skiing fl-Alpi Taljani spiċċaw maqbuda għal diversi sigħat f’cable cars li jintużaw bħala mezz ta’ trasport qalb il-muntanji.
Dawn il-persuni kienu skiing fir-resort Cervinia għal seba’ sigħat matul il-jum tas-Sibt. Dan l-inċident kien ikkawżat minn riħ qawwi li wassal biex il-cable cars jitħabblu f’xulxin u għalhekk ma baqawx jiffunzjonaw.
Il-cable cars waqfu f’għoli ta’ iktar minn 2500 metru, u l-operazzjoni ta’ salvataġġ intemmet ftit qabel nofsillejl. Ma kien hemm l-ebda rapport ta’ hypothermia fl-inċident li seħħ fil-Wied Aosta, li jinsab viċin il-fruntiera Franċiża.