Mitejn u tlettax-il persuna jew koppji saru sidien ta’ djarhom hekk kif gawdew mill-iskema tal-Home Deposit f’dawn l-aħħar ħmistax-il xahar kemm ilha li tnediet din l-iskema.
Permezz ta’ din l-iskema, il-Gvern qed jgħin lil dawk li għandhom bejn wieħed u għoxrin u disgħa u tletin sena biex iħallsu d-depożitu meħtieġ ta’ għaxra fil-mija (10%) fuq l-iffirmar tal-konvenju.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Roderick Galdes qal li b’kollox kien hemm 323 applikazzjoni, b’87% ġew aċċettati mill-Awtorità tad-Djar.
Intqal kif tlieta u sittin fil-mija (63%) tal-applikanti huma taħt it-tletin sena.
Qal, “B’hekk l-10% jingħata self. Self li ovvjament l-imgħax se jkoprih kollu l-Gvern f’25 sena u għad-direttura l-persuna li tkun ħadet dak is-self, jekk din tħallas f’inqas minn 25 sena intuha skont minn dak l-ammont biex b’hekk tkun qed tingħata l-imbuttatura l-persuna ħalli jixtri l-propjetà tiegħu.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li l-applikazzjoni li tkun ipproċessata tgħaddi fi żmien ġimgħa.
Qal, “U propju l-Awtorità meta rajna li kellna iżjed minn 300 applikant riedna naraw li nkunu spediti kemm jista’ jkun. Inutli toħroġ skema jekk ma tkunx effiċjenti fil-proċessar tagħha u propju għalhekk illum b’sodisfazzjon ngħidu li meta persuna jdaħħal l-applikazzjoni f’ġimgħa waħda jingħata l-informazzjoni, jekk għandux ikompli jipproċessa jew le.”
McKay spjega kif il-medja tal-propjetà li nxtrat hija ta’ kważi mija u sittin elf ewro.
L-aktar propjetajiet li nxtraw fihom dawn il-lokalitajiet huma l-Fgura, San Pawl il-Baħar u Birkirkara.