Miljun persuna ffirmaw petizzjoni biex titħassar iż-żjara statali fl-Ingilterra li mistenni jagħmel il-President tal-Amerika, Donald Trump.
Dawn il-firem żdiedu wara li aktar nies saru jafu dwar l-ordni eżekuttiva li ffirma Trump biex ċittadini minn seba’ pajjiżi Musulmani jitwaqqfu milli jidħlu fl-Istati Uniti.
Kienet il-Prim Ministru Theresa May li ħabbret li l-President tal-Amerka se jkun qed iżur l-Ingilterra, iżda minkejja li l-pubbliku huwa kontra din iż-żjara, sal-illum iż-żjara għadha ser issir.
Kien il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż li propona li din iż-żjara tiġi posposta. Huwa qal li Donald Trump m’għandux jidħol l-Ingilterra filwaqt li “jabbuża mill-valuri tagħna u jattakka lir-refuġjati u n-nisa.” Kien propju b’dan il-messaġġ, li Corbyn beda din il-petizzjoni.
Corbyn saħaq li Theresa May se tiddiżappunta lil poplu Ingliż jekk ma tippostponiex ż-żjara statali.
Kull petizzjoni li taqbeż l-100,000 firma trid tiġi diskussa fil-Parlament Ingliż filfatt din il-petizzjoni se tiġi diskussa t-Tlieta.