Il-Gvern Sirjan qabel li jiftaħ żewġ fruntieri oħra li jmissu mat-Turkija sabiex iħalli l-għajnuna li qed tinbgħat lin-nies milquta mit-terremoti, tidħol mingħajr problemi.
Ħabbret dan il-Ġnus Maqgħuda, bis-Segretarju Ġenerali Antonio Guterres qal li dan il-pass se jagħmel differenza kbira.
In-numru ta’ mejta li nstabu qalb it-tifrik li ħallew it-terremoti kemm fit-Turkija kif ukoll fis-Sirja tela’ għal kważi erbgħin elf persuna.
Qed jiġi rrappurtat ukoll kif aktar minn miljun persuna spiċċat bla dar, u kollox jindika li n-numru mistenni jiżdied.
Intant, il-midja internazzjonali qed tirrapporta kif ħafna Sirjani huma rrabbjati għall-fatt li l-għajnuna mhux qed tasal għandhom ukoll, bil-Gvern tal-President Bashar al-Assad iwaħħal fis-sanzjonijiet imposti fuq pajjiżu mill-pajjiżi tal-punent.
Din l-akkuża ġie miċħuda mill-għaqdiet kollha li qed joffru l-għajnuna u saħqu kif il-Gvern ta’ Assad mhux qed ikun irid jikkopera.