F’pajjiżna hawn ftit aktar minn erbat elef Learning Support Educators, edukaturi ta’ spalla għall-għalliema fil-klassi u li jgħinu fl-iżvilupp edukattiv tat-tfal tagħna.
Minn tagħrif parlamentari ħareġ li biss biss, fl-iskejjel tal-Knisja hemm mal-elf LSE, li s-salarji tagħhom jitħallsu mill-Gvern.
Apparti minn hekk fl-iskejjel tal-Gvern, l-aktar kulleġġ li fih LSEs huwa dak ta’ San Tumas More, li fih jiġbor tnax-il skola pubblika.
L-uffiċjal edukattiv għall-inklużjoni Catherine Falzon spjegat kif xogħol LSEs huwa li jikkordinaw mal-għalliema tal-klassi u joffru edukazzjoni kompluta lill-istudenti kollha partikolarment lil dawk li jkollhom bżonn imbottatura.
F’dan il-każ ikunu provduti b’għajnuna supplimentari skont il-ħtieġa.
Qal, “Xogħolha qiegħed li tikkordina mal-għalliema, tagħmel kordinazzjoni mal-għalliema u tgħin lil klassi kollha però partikolarment lil dawk it-tfal li hi tkun afdatha għax ikunu statemented.”
Falzon żiedet tgħid kif kull student huwa intitolat għal programm individwali t’edukazzjoni, b’dan jassigura li tkun offruta edukazzjoni ħolistika, fosthom ħiliet li jintużaw ta’ kuljum.
Qalet li l-għajnuna tvarja minn dik ta’ komunikazzjoni, imġieba kif ukoll ħiliet sanitarji.
Spjega, “Xogħolha hu li ovvjament tipprepara għall-IEP, kull student li huwa statemented hu intitolat li jkollu Individual Education Programme. Issa meta qegħdin ngħidu Individual Education Programme mhux ħa jkun fl-akkademiku biss dan ser ikun fi skills oħra, fil-life skills, fl-imġieba, fil-komunikazzjoni. Jiġifieri aħna lil dawn l-istudenti irid ikun ħolistiku l-IEP, xi ħaġa ħolistika.”
Pilastru ieħor fil-ħidma tal-LSE huwa li timxi għall-indipendenza tal-istudent, dan il-proċess isir permezz ta’ diversi laqgħat tul il-mixja edukattiva flimkien mal-ġenituri tal-istudent.
Dan għalhekk ma jfissirx li kull student jagħmel sal-aħħar sena f’ istituzzjoni edukattiva sekondarja b’dan is-servizz minħabba li dan jista’ jservi ta’ aktar telf milli ġid.
B’hekk dan is-servizz jibda jitnaqqas skont kif meħtieġ.
Catherine Falzon żiedet tispjega kif f’kull skola hemm dipartiment tal-inklużjoni li jieħu ħsieb u jikkordina dan is-servizz u oħrajn bejn il-partijiet ikkonċernati, inkluż il-ġenituri.