Fl-ewwel sitt xhur minn mindu bdiet topera mill-ġdid l-ambulanza miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, f’Marzu li għadda, din l-ambulanza rċeviet 1,095 sejħa.
L-ambulanza f’Raħal Ġdid qed tkopri 21 belt u raħal fin-naħa t’isfel ta’ Malta fosthom il-Kottonera, Raħal Ġdid, Santa Luċija, Birżebbuġa u x-Xgħajra.
“Snin ilu kien hawn ambulanza topera miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, iżda amministrazzjonijiet preċedenti kienu waqfu dan is-servizz tant utli. F’Marzu li għadda dan is-servizz reġa’ ngħata l-ħajja. U kif qiegħed jidher mill-figuri li għandna huwa servizz li jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies tas-South,” qal il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, waqt żjara li għamel fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid.
Barra s-servizz ta’ ambulanza minn Raħal Ġdid għan-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta, hemm servizz ta’ ambulanza wkoll miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta li jkopri n-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, dan barra s-servizz ċentralizzat li jingħata minn Mater Dei.
“Fi kwistjonijiet ta’ emerġenza akuta bħal fil-każ ta’ stroke jew attakk tal-qalb, kull minuta li tgħaddi tista’ tagħmel id-differenza. Huwa għalhekk li dejjem emmina f’ambulanza f’Raħal Ġdid li tista’ tasal aktar malajr għand dawk kollha li joqogħdu fil-viċinanzi,” qal il-Ministru Fearne.