Aktar minn elf omm fis-sena, ifittxu servizzi ta’ saħħa mentali fl-Isptar Mater Dei qabel, waqt u wara t-tqala.
Numru ekwivalenti għal madwar għoxrin fil-mija tal-ommijiet li jwelldu kull sena fl-isptar.
Dawn is-servizzi – magħrufa bħala Perinatal Mental Health Services – jissarrfu f’kura psikjatrika u psikoterapewtika, flimkien ma’ għajnuna soċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi li jaffaċċjaw il-ġenituri.
Il-Practice Midwife Claire Zerafa, spjegat li għalkemm tarbija ġġib magħha ħafna ferħ, ikun hemm ommijiet li jgħaddu minn mumenti ta’ dipressjoni u ansjetà.
Qalet li “Każ partikolari fejn tara omm li tiġi tkellmek u tgħidlek jiena dit-tarbija m’għandix bonding magħha just nagħtiha tiekol u nibdlilha n-nappy imbagħad tgħinha u tinkoraġġiha u taraha qed toħroġ minnha u llum il-ġurnata tgħidlek ma noqgħodx mingħajru dat-tarbija daqskemm inħobbu.” 25
Stqarret li xi kultant, imorru nisa ddisprati ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu, għaliex għalkemm ikunu ppjanaw waqt it-tqala, dan qatt ma jkun biżżejjed għal meta tasal it-tarbija.
Zerafa qalet li “Per eżempju mara tiġi hawnhekk u tgħidlek jien aħjar intemm ħajti għax mingħajri, it-tarbija tkun aħjar ma’ missierha biss għax jien minix omm tajba.”
Hija tkellmet dwar l-irwol tal-irġiel – li jgħaddu minn emozzjonijiet daqs il-mara, u filfatt huma ħafna l-koppji li jirrikorru għall-għajnuna flimkien.
Spjegat kif “Ir-raġel inpoġġuh aside, dejjem nagħtu kas il-mara kif inhi u t-tarbija hux tikber, imma r-raġel inħalluh fil-ġenb, però r-raġel għandu rwol importanti u importanti li jieħu ħsieb is-saħħa mentali għax hemm bżonnu fit-trobbija tat-tarbija biex il-mara tkompli għaddejja.”
Claire Zerafa ilha qabla tlieta u għoxrin sena, u f’dawn l-aħħar tliet snin speċjalizzat f’dawn is-servizzi ta’ saħħa mentali.
Temmet l-intervista billi spjegat il-bidla li esperjenzat, mis-sala tal-ħlas għal m’ommijiet wara li jkunu welldu.
Zerafa qalet kif “It-twelid tat-tarbija – li tara l-persuna ferħana wara dak l-uġigħ u li kollox għadda sew – tieħu pjaċir u s-sodisfazzjon huwa kbir ukoll imma hawnhekk jagħtik ċertu maturità li tgħid kbirt. Il-mara mhux biss il-ħlas għandha, wara jkollha challenges oħra. Li tgħinha f’dak il-mument fejn hi rrikorriet għall-għajnuna għax hemm vera bżonn, jagħtik sodisfazzjon kbir li jgħinek timmatura u tikber u tara r-realtà tal-ħajja.”