Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera qassam fondi li jammontaw għal aktar minn €80,000 lil disa’ għaqdiet volontarji ambjentali bħala parti mill-iskema ta’ fondi ambjentali.
Il-Ministru Herrera spjega li din l-iskema kienet wegħda tal-Gvern li ġiet attwata, u l-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet taħt din l-iskema kienet varata f’Settembru tal-2016. Din l-iskema kienet miftuħa għal għaqdiet volontarji non-governattivi li huma nvoluti fil-qasam tal-konservazzjoni u promozzjoni ambjentali bħala appoġġ għalihom kif ukoll apprezzament għall-inizjattivi u proġetti li kapaċi joħorġu bihom u jidħlu għalihom.
L-għaqdiet li ntgħażlu mit-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet huma: Genista Foundation; Nature Trust Malta; Friends of the Earth; Flimkien għal Ambjent Aħjar; Breeds of Origin Conservancy; Emergency Response and Rescue Corps; Heritage Parks Federation; Greenhouse Malta, u Malta UNESCO Youth Association.
“Huwa interessanti li wieħed jinnota l-firxa wiesgħa ta’ proġetti li llum qegħdin invaraw u li l-Gvern qiegħed jassisti, minn proġetti relatati mat-tisbiħ u tisħiħ ta’parks, riċerka tal-mogħża Maltija, ambulanza tal-annimali, resource centre ġdid, kampanji ta’ informazzjoni, clean–ups, studju tal-ispeċi tal-friefet tal-lejl u aktar proġetti”, sostna l-Ministru Herrera.
Huwa qal li inizjattivi bħal dawn ikomplu jinkoraġġixxu lill-Gvern sabiex ikompli jallokka fondi għal dawn it-tip ta’ inizjattivi. Il-Ministru sostna li l-Gvern mhux qiegħed iqassam il-flus, iżda qed jinvesti fil-ħiliet, fil-kapaċitajiet u fl-impenn ta’ dawn l-għaqdiet.
Il-Ministru Herrera awgura kull suċċess lill-għaqdiet fil-ħidma tagħhom u ħeġġeġ aktar għaqdiet ambjentali sabiex japplikaw għal din l-iskema meta terġa tinfetaħ.
GENISTA FOUNDATION
Project: Rinella Valley – Green among Stone
Permezz ta’ dan il-proġett se jsir titjib tal-ambjent degradat f’ċerti oqsma ta’ dan il-park, kif ukoll se jiġi kkunsidrat l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ambjentali edukattivi f’dan il-park u l-istampar ta’ materjal ta’ informazzjoni ambjentali.
NATURE TRUST MALTA
Project: Wildlife Ambulance and Transport Van
Ser jinxtara vann żgħir li jkun fih first aid u apparat ta’ salvataġġ li jopera bħalaanimal ambulance għal diversi annimali bħal fkieren, qniefed, friefet il-lejl u għasafar fost oħrajn.
NATURE TRUST MALTA
Project: Solar powered indigenous tree nursery
Ser tiġi installata sistema ta’ eletrikku nadifa sabiex tikkumplimenta in-nurserytas-siġar indiġeni li tinsab f’Wied Għollieqa Nature Reserve. Ser tiġi mbiddla s-sistema preżenti tat-tisqija u se tiġi installata sistema tas-CCTV.
FRIENDS OF THE EARTH
Project: Green Resource Centre
Ser jiġi rranġat bini dilapidat ħdejn is-swar tal-Furjana sabiex jinbidel f’resourcecentre, fejn l-għaqda jista’ jkollha l-operat tagħha, u tkun tista’ torganizza attivitajiet u workshops. Barra minn hekk huwa maħsub li jkun hemm librerija li tkun miftuħa għall-pubbliku kif ukoll ġnien urban li jservi bħala nature therapy.
FLIMKIEN GĦAL AMBJENT AĦJAR
Project: Eco-Empowerment: A campaign promoting public participation and access to justice in the environmental area
Ser tiġi mnedija kampanja ta’ informazzjoni permezz ta’ workshops, video clipsedukattivi, televiżjoni u media soċjali, sabiex tgħin lin-nies ikunu aktar konxji u involuti fil-preservazzjoni tal-wirt ambjentali.
BREEDS OF ORIGIN CONSERVANCY
Project: Safeguarding Heritage: Conservation of threatened biodiversity of the Maltese Islands
Ser issir riċerka fuq il-karateristiċi tal-mogħża Maltija, bl-għan li tiddetermina l-kwantità eżatta, id-distribuzzjoni, il-ġenetika, il-kriterji ta’ selezzjoni morfoloġika, it-tnissil u l-ibridizzazzjoni bit-tipi ta’ mogħoż mhux indiġeni. Dan l-istudju għandu finalment iwassal għall-iżvilupp ta’ standard komprensiv tar-razza u proposti għal programm ta’ razza, biex b’hekk jgħin is-sopravivenza u l-konservazzjoni tal-mogħża Maltija.
EMERGENCY RESPONSE AND RESCUE CORPS
Project: Eco Rangers
Permezz ta’ dan il-proġett ser isiru diversi clean–ups intensivi kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar madwar Għawdex u Kemmuna. Ser jiġi ppreparat ukoll ktieb għat-tfal li se jinkludi messaġġi dwar it-tnaqqis tal-iskart, l-effetti ħżiena tal-iskart li jispiċċa fil-baħar, u l-konservazzjoni tal-ambjent.
HERITAGE PARKS FEDERATION
Project: Monitoring, managing and mitigating visitor flow to the Majjistral Nature and History Park
Dan il-proġett ser jinvolvi t-twaqqif ta’ sistema ta’ għadd tal-viżitaturi li ser tkun installata fid-daħliet ewlenin tal-Park Majjistral. Permezz ta’ din is-sistema, l-aministrazzjoni tal-park se takkwista data siewja dwar l-ammont u l-influss ta’ viżitaturi fil-park. Barra minn hekk, se jinxtraw drone u kamera li ser jgħinu fl-operazzjoni u fit-tmexxija aħjar tal-park, għall-benefiċċju tas-sbuħija naturali taż-żona u għall-pubbliku.
GREENHOUSE
Project: Akustika – National Survey of Maltese Bat Species
Permezz ta’ dan il-proġett, qed jimmiraw li timtela n-nuqqas ta’ għarfien dwar l-ispeċi tal-friefet il-lejl f’Malta u Għawdex. Ladarba is-sitwazzjoni tal-ispeċi tal-friefet il-lejl Maltin tkun stabbilita, l-isforzi ta’ konservazzjoni jkunu jistgħu isiru b’mod aktar effiċjenti speċjalment għal speċijiet li qed jonqsu.
MALTA UNESCO YOUTH ASSOCIATION
Project: Children, youth and their surrounding environment
Dan il-proġett għandu l-għan li jipprovdi l-opportunità u l-ħiliet meħtieġa għat-tfal u ż-żgħażagħ Maltin biex josservaw u jaħsbu dwar l-ambjent, u biex jesprimu l-ideat u l-ħsibijiet tagħhom dwar kwistjonijiet ambjentali li jistgħu jeħtieġu attenzjoni u jiġu indirizzati. Għal dan il-għan se jiġi organizzat avveniment li jinkorpora diversi sessjonijiet.