F’konferenza tal-Aħbarijiet, bit-tema, Inwettqu Flimkien, ġew imnedija żewġ skemi ta’ riċerka, b’investiment ta’ aktar minn €1.3 miljun
Wara MOU li sar bejn l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) u l-Kunsill Malti għax-Xjenza (MCST), qiegħed jitnieda Programm Tematiku b’massimu ta’ €600,000 fis-sena li se jintużaw biex ikunu iffinanzjati proġetti diġitali fil-bidu tagħhom jew proġetti ta’ riċerka applikata. Dan il-programm se jkun miftuħ għal sentejn għal total ta’ €1.2 miljuni.
Min-naħa tagħha l-MDIA se tkun qed toħroġ sejħa oħra għall-applied research grant f’total ta’ €120,000. Din is-sejħa se tkun differenti għaliex mhux se tkun qed tiffoka fuq l-intelliġenza artifiċjali biss iżda anke teknoloġiji innovattivi oħra.
Il-Ministru Silvio Schembri, spjega kif, il-Gvern huwa kommess li jkompli jagħti l-appoġġ lil niċċeċ ekonomiċi li huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna.
Dan hekk kif din is-sena, pajjiżna huwa mistenni li jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku – li huwa sitt darbiet aktar mill-medja Ewropea.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari, Keith Azzopardi Tanti, qal kif permezz ta’ inizjattivi tematiċi, il-Gvern qed jaħdem sabiex l-imprendituri Maltin ikollhom lok li jiżviluppaw l-ideat innovattivi tagħhom.
Tonio Portuguese, li huwa ċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, qal kif din l-iskema se toffri opportunità li minnha se jgawdi kulħadd, speċjalment dawk fl-oqsma, li jkopri l-Kunsill.
Min-naħa tiegħu, Kenneth Brincat, li huwa il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA, tkellem dwar kif din hija turija intensiva ta’ kif Malta hija preparata għall-futur, u b’hekk żied jgħid li din l-iskema għandha l-għan li tippożizzjona l-pajjiżna, bħala wieħed mill-aktar avvanzati fis-settur tal-AI.