€70,000 ġew ippreżentati lil għaqdiet volontarji li kienu applikaw għall-għajnuna taħt l-iskema ‘Ministry for Gozo Non-Governmental Organisations Assistance Scheme’ mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.
Il-Ministru Caruana spjegat kif din l-iskema ġiet introdotta għall-ewwel darba f’Għawdex f’Lulju tas-sena l-oħra. “Din hi skema trasparenti u regolarizzata intiża biex tassisti lil għaqdiet volontarji li jkunu se jimplimentaw xi proġetti, avvenimenti u inizjattivi f’Għawdex”, qalet il-Ministru. “Kellna numru sostanzjali ta’ proposti li ġew sottomessi lill-Board tal-Għażla però finalment, kienu sittax il-għaqda li bbenefikaw minn massimu ta’ €5000. Dawn l-għaqdiet kienu jissodisfaw il-kriterji hekk kif stabilixxa kemm il-Board tal-Għażla, kif ukoll tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat”, kompliet tgħid il-Ministru Caruana.
Caruana ħeġġet lil dawk l-għaqdiet kollha li huma reġistrati bħala organizzazzjonijiet volontarji skont l-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Kapitlu 492 tal-Liġiet ta’ Malta), biex jaħtfu l-opportunita u japplikaw taħt l-iskema l-ġdida li qed iniedi l-Ministeru għal Għawdex. L-applikazzjonijiet fetħu t-Tnejn, 29 ta’ Jannar, u jagħlqu l-Ġimgħa, 28 ta’ Frar 2018 f’nofsinhar. Kull applikazzjoni trid tirreferi għall-inizjattiva fil-qasam tal-volontarjat li għandha tiġi implimentata f’Għawdex, u li minnha tgawdi l-komunità Għawdxija. Għal aktar informazjoni wieħed jista’ jżur s-siti: https://www.vofunding.org.mt/funds/26 uwww.mgoz.gov.mt.
L-organizzazzjonijiet volontarji li rċevew il-fondi huma: Friends of the Earth Malta, The Eden and Razzett Foundation–Inspire, Friends of the Sick & the Elderly in Gozo (FSEG), Emergency Response and Rescue Corps, The Scout Association of Malta. Emergency Response and Rescue Corps, CADETS; Soċjetà Filarmonika La Stella, Munxar Falcons F.C. ; Għaqda Mużikali Viżitazzjoni, Soċjetà Filarmonika Santa Marija; Fondazzjoni Santa Ċeċilja A.D. 2013, Soċjetà Filarmonika Mnarja, Sezzjoni Żgħażagħ Pawlini Munxarin, Dar Ġużeppa Debono, Gozo Half Marathon u OASI Foundation.