Matul is-sena li għaddiet, il-programmi mħaddma mill-Aġenzija Residenza Malta ħallew iżjed minn ħamsin miljun ewro fl-ekonomija Maltija.
L-iskemi ewlenin imħaddma mill-Aġenzija huma l-Malta Permanent Residence Programme u n-Nomad Residence Permit.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ġie spjegat kif fis-sena elfejn u tnejn u għoxrin, il-programm ta’ residenza b’investiment reġa’ laħaq il-livell ta’ applikazzjonijiet ta’ qabel il-pandemija, tant li f’sena daħlu kważi tmien mitt applikazzjoni, b’total ta’ tlett elef, ħames mija u tmenin applikazzjoni sa mill-bidu tal-programm, fl-elfejn u sittax.
Matul is-sena li għaddiet biss, dan il-programm iġġenera aktar minn tlieta u tletin miljun ewro.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Residenza Malta, Charles Mizzi, tkellem dwar kif kull applikazzjoni għall-programmi tal-Aġenzija tgħaddi minn proċess rigoruż ta’ due diligence u li l-investiment f’dan ir-rigward hu sostanzjali, biex ikun żgurat li kull min jistħoqqlu biss jingħata permess permanenti jew temporanju.
Qal, “Matul l-2022, Residenza Malta attirat numru tajjeb ta’ applikazjonijiet kemm għall-programm ta’ residenza permanenti kif ukoll għall-programm tan-Nomad Residence Permit. Dan kien titjib sinifikanti fuq is-snin li għaddew li matulhom l-industrija kellha impatt negattiv minħabba l-Covid. Issa li l-mobilità tal-individwi reġgħet ġiet għan-normal, qed naraw influss ta’ applikazzjonijiet ġodda li qegħdin deħlin kuljum fl-aġenzija tagħna.”
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, spjega kif fost il-bosta inizjattivi li qed jieħu l-Gvern għal iżjed tkabbir ekonomiku, hemm il-programmi li toffri l-Aġenzija Residenza Malta, li huma attraenti u relevanti għas-suq globali.
Dan kollu jgħin fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.
Qal, “L-impenn tagħna huwa li nkomplu nagħmlu pajjiż li jkun attraenti għal dawn il-persuni li jagħżlu biex jinvestu f’Malta, jaħdmu f’Malta, jagħmlu remote working jew inkella anki jiftħu kumpanija. B’dan il-mod mhux biss nibqgħu ngħinu l-ekonomija Maltija li kontinwament qiegħda tikber iżda wkoll li nressqu lejna persuni ta’ talent li jħarsu lejn pajjiżna bħala mod kif ikomplu jibnu l-futur tagħhom.”