Il-Gvern se jagħti aktar minn ħames miljun ewro bħala għajnuna lill-produtturi li jaħdmu fis-settur tal-ipproċessar tal-prodotti agrikoli. Dan l-impenn min-naħa tal-Gvern mistenni jtejjeb sinjifikament il-valur tal-prodott Malti għall-konsumaturi. Dan sostnieh il-Ministru għall-Biedja Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Dawn il-fondi se jinqasmu bejn dsatax-il entità, li applikaw għall-miżura erbgħa punt tnejn, immirata għal bdiewa, kumpaniji privati u entitajiet pubbliċi. Il-fondi jistgħu jintużaw fi żvilupp u kummerċalizzazzjoni ta’ dawn l-entitajiet kollha.
F’konferenza stampa, il-Ministru Refalo spjega li s-settur agrikolu huwa kruċjali u din is-sena kellu sfidi straordinarji kawża tal-pandemija.
Qal kif, “Illum qiegħdin inħallsu xejn inqas minn ħames miljun Ewro lil dsatax -il parteċipant li applikaw taħt il-miżura tal-erbgħa punt tnejn, li huma fondi Ewropej kif ukoll Maltin.”
Intant, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li dan is-settur għandu potenzjal kbir minkejja l-limitazzjonijiet li dejjem kellu.
Tenna li miżuri bħal dawn jagħtu valur lil pajjiżna għal dak li jista’ jipproduċi.
Qal, “Dsatax-il entità bbenefikaw minn ħamsa punt erbgħa miljun Ewro li huma kofinanzjati minn fondi Ewropej u huma maħsuba biex jgħinu l-ipproċessar tal-prodott agrikolu. Din hija miżura biex inkomplu nagħtu valur aqwa lill-prodott Malti.”