B’investiment ta’ aktar minn €5 miljun, il-kumpanija JB Stores espandiet fin-negozju tagħha u introduċiet katina internazzjonali ta’ ħwejjeġ Taljani bl-isem ta’ Candida.
Din il-katina internazzjonali, li ilha mwaqfa għal dawn l-aħħar 14-il sena, kienet ibbażata fi 15-il ħanut fl-Italja u Sqallija. Permezz ta’ dan l-investiment, din il-katina firxet l-għeruq tagħha u ser tkun qed toffri s-servizzi tagħha f’Malta.
B’rabta ma’ dan l-investiment, ONE News tkellem ma’ Albert Sant, id-Direttur tal-kumpanija JB Stores, fejn semma kif permezz ta’ din l-inizjattiva, il-kumpanija ser tkun qed tgħaddi għat-tieni ġenerazzjoni tal-familja Sant:
“L-ewwel franchise fetħet barra mill-Italja. Malta bi ħsiebna nifthu sitt iħwienet bħala kumpanija u mill-ġenerazzjoni tiegħi għal ġenerazzjoni tat-tfal tiegħi”.
Tkellimna wkoll ma’ Maria Sant li hija Direttriċi tal-kumpanija Candida Malta, fejn qalet kif fil-futur qrib in-negozju ser jinfirex b’aktar ħwienet madwar Malta:
“Tfisser ħafna, għaliex missieri ħadem ħafna ma’ ħuh u issa qegħdin hawnhekk fejn qegħdin inkabbru l-kumpanija. Aħna se nitfħu iżjed ħwienet biex inkabbru iżjed ħwienet ‘il quddiem biex inkabbru d-ditta wkoll hawn Malta. Morna diġà tajjeb ħafna fl-ewwel ġimgħa li konna miftuħin”.
Preżentament, il-kumpanija, li hija rinomata għad-drappijiet tal-ħwejjeġ, purtieri, bjankerija, twapet u affarijiet tad-dar, tħaddem ftit aktar minn mija u sittin impjegat.
Permezz tal-introduzzjoni ta’ Candida, il-kumpanija se tkun qed timpjega aktar ħaddiema magħha u fl-istess waqt tkompli tinvesti fis-suq tax-xogħol.