Id-dħul fil-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali sal-aħħar ta’ Awwissu li għadda kien ilaħħaq għal aktar minn 432 miljun ewro.
Dan tħabbar fi stqarrija tal-Bord tal-Gvernaturi ta’ dan il-fond. Il-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali huwa aġenzija tal-Gvern u twaqqaf biex jamministra 70 fil-mija tal-kontribuzzjonijiet li tirċievi mill-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment.
Il-Bord tal-Gvernaturi qal li matul l-istess perjodu, il-Fond investa aktar minn 130 miljun ewro f’investimenti lokali rreġistrati fuq il-Borża ta’ Malta flimkien ma’ Stocks tal-Gvern.Il-Bord ikkonferma wkoll li l-poplu Malti u Għawdxi beda jibbenefika mill-investiment dirett li qiegħed jinġieb lejn Malta permezz tal-Iskema ta’ Ċittadinanza b’Investiment.
Qal li f’Jannar ta’ din is-sena, l-Aġenzija għamlet għotja soċjali ta’ €950,000 lid-Dipartiment tal-Kardjoloġija tal-Isptar Mater Dei għall-imodernizzar taż-żewġ swali magħrufa bħala catheterization suites li se jassigura li ‘l fuq minn tlett elf pazjent fis-sena se jiġu kkurati b’mod aktar effettiv u effiċjenti minn qabel.
Apparti dan, il-Fond ikkommetta s-somma ta’ €55 miljun oħra għal inizjativi fl-oqsma ta’ social housing u titjib fis-servizzi tas-saħħa.
Żied jingħad li l-ammont ta’ fondi li ma ġewx miġbuda s’issa mill-Fond u d-dħul kollu li ġej mill-investimenti huma miżmuma f’kont għalih li għandu mal-Bank Ċentrali ta’ Malta.