Aktar minn 130 organizzazzjoni bbenefikaw minn investiment ta’ aktar minn €370,000 sabiex isaħħu l-ħidma tagħhom maż-żgħażagħ u joħolqu inizjattivi ġodda.
Dan tħabbar waqt ċerimonja organizzata mill-Aġenzija Żgħażagħ fejn preżenti kien hemm is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.
F’din iċ-ċerimonja ġew imħabbra żewġ skemi ta’ fondi ewlenin: BOOST għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u Musical Tuition for Young People in Band Clubs għall-każini.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem dwar dawn il-fondi.
“Sabiex ngħinu lill-għaqdiet volontarji mhux governattivi li jkomplu jimplimentaw aktar proġetti fi ħdan l-ibliet u l-irħula Maltin, qegħdin inkomplu nsostnuhom permezz ta’ għotja finanzjarja – mhux l-anqas aħna nirrikonoxxu t-tiġdid li jsir fost iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin u għalhekk qed inkomplu nixprunaw din ‘il quddiem.”
Keith Azzopardi Tanti – Segretarju Parlamentari
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, faħħret l-impenn li qed juri l-Gvern biex jagħmel dawn il-fondi aktar aċċessibbli u bla burokrazija żejda.
Il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, Noel Camilleri, qal li, dan l-appoġġ mhux biss jgħin biex niżguraw futur b’saħħtu għall-baned, iżda jkompli jrawwem iż-żgħażagħ tagħna fil-valuri tal-kultura, dixxiplina u komunità.
