Fl-ewwel nofs is-sena l-oħra, fi sfond ta’ pandemija, 1591 Għawdxi u Għawdxija li ta’ kuljum jaqsmu l-fliegu minħabba xogħol gawdew bejniethom minn għajnuna finanzjarja ta’ ftit aktar minn tliet mija u ħamsin elf ewro.
Dan biex din l-għajnuna tagħmel tajjeb għat-traġitt bejn iż-żewġ gżejjer fosthom in-noll tal-vapur.
Din l-għajnuna hija waħda mill-miżuri ewlenin fil-budgets differenti ta’ Gvern Laburista u li sservi ta’ spalla finanzjarja enormi għal dawn l-Għawdxin.
Bejn Jannar u Ġunju tas-sena l-oħra seba’ mija u erbgħa u sebgħin ħaddiem li huma impjegati mas-settur pubbliku, inkluż dawn li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, ħadu bejniethom kważi mitejn elf ewro.
Min-naħa l-oħra dawk li jaħdmu mas-settur privat kienu jammontaw għal erba’ mija u tmienja u sebgħin ħaddiem, fejn bejniethom gawdew min-nefqa ta’ aktar minn mija u ħdax-il elf ewro.
Ta’ min isemmi li minkejja li l-għalliema u l-edukaturi waqfu ħesrem mill-irwol tagħhom minħabba l-għeluq ta’ l-iskejjel f’Marzu li għadda, xorta waħda gawdew minn somma ta’ aktar minn ħamsa u erbgħin elf ewro.
Fil-fatt il-Gvern irċieva tlett mija u disgħa u tletin aplikazzjoni mill-edukaturi li jkopru l-ewwel tliet xhur tas-sena meta l-edukaturi Għawdxin qasmu l-fliegu għax-xogħol fi żmien li l-iskejjel kienu miftuħa.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri saħaq kif il-Gvern ma ħalliex lil dawn il-ħaddiema waħedhom f’mumenti diffiċli, infatti intervjena u għen b’mod finanzjarju fit-traġitt tagħhom.
Qal kif, “Dawn il-ħaddiema li ma kellhomx opportunità li jaħdmu bit-telework kemm mas-settur pubbliku kif ukoll mal-privat, il-Ministeru għal Għawdex baqa’ jiffinanzja bis-sħiħ lil dawn il-ħaddiema b’mod fiskali anke fejn tidħol għajnuna għat-transport miċ-Ċirkewwa sal-post tax-xogħol sal-istess individwu sabiex anke nkomplu nsostnu l-ħaddiema tagħna u nagħmlu dan it-traġitt faċli għalihom u għall-familjari tagħhom.”
Il-ħaddiema Għawdxin mistennija wkoll jirċievu t-tieni pagament ta’ bejn Lulju u Diċembru tas-sena l-oħra fil-jiem li ġejjin.