Ftit aktar minn 24 miljun ewro qed jitqassmu lil madwar 61,400 familja f’benefiċċji għat-tfal u assistenza supplimentari. Dawn il-benefiċċji huma l-Allowance tat-Tfal, l-Allowance għal Tfal b’Diżabiltà, il-Foster Care Allowance u l-Għajnuna Supplementari.
Aktar minn 75% ta’ dawn l-għajnuniet li qed jitqassmu, jew aktar minn €18-il miljun se jmorru fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin bħala Allowance tat-Tfal u li minnhom se jgawdu 41,663 familja b’madwar 63,000 wild. Barra minn hekk, ftit anqas minn 20,000 familja se jgawdu minn għajnuniet ta’ kważi €4.5 miljun f’dik li hija l-Għajnuna Supplimentari, li titħallas lill-familji jew persuni bi dħul taħt ċertu livell.
Barra minn hekk, 2,402 familja se jgawdu wkoll mill-Allowance għal Tfal b’Diżabilità li bejniethom se jitħallsu aktar minn miljun u nofs ewro, mentri 178 familja qed jirċievu €370,000 bħala Foster Care Allowance.
Dan huwa t-tielet pagament għal din is-sena li jkopri l-perjodu minn Lulju sa Settembru wara t-titjib tal-miżuri soċjali kif proposti fl-aħħar Budget ippreżentat għas-sena 2025. F’dawk il-proposti, li minnhom eluf ta’ familji qed igawdu mit-tieni pagament, kien hemm anke tibdil fil-komputazzjoni tal-benefiċċji nfushom u anke ħadu żidiet addizzjonali.
Huwa proġettat li sa tmiem din is-sena, dawn il-benefiċċji msemmija se jkunu qed jammontaw flimkien għal aktar minn €100 miljun. Dan l-investiment se jkun jikkonsisti fi ftit inqas minn €76 miljun f’Allowance tat-Tfal, kważi €5 miljun f’Allowance għal Tfal b’Diżabiltà, ftit aktar minn miljun u nofs ewro Foster Care Allowance u aktar minn 17-il miljun u nofs ewro f’Għajnuna Supplementari.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon saħaq li l-familja hija fiċ-ċentru tal-politika soċjali tal-Gvern u l-investiment massiċċ li sar fl-aħħar snin fuq dawn il-benefiċċji u miżuri oħrajn jixhed dan.
Filwaqt li qal li għaddejja ħidma bla waqfien sabiex ikomplu jitwettqu l-miżuri soċjali imħabbra fil-Budget 2025 u jitwettqu kollha kif ilu jsir għal diversi snin, il-Ministru Falzon temm jgħid li l-Gvern dalwaqt se jkun qed iħabbar aktar inizjattivi ġodda biex ikompli jkun ta’ aktar sostenn għall-familji Maltin u Għawdxin.