Aktar minn €11,700 tqassmu f’pagamenti ta’ benefiċċji fost 7,569 persuna.
Ras għal ras, dawk kollha li s’issa tħallsu l-benefiċċji soċjali irċevew medja ta’ €1,446 f’għajnuna.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-familja u s-solidarjetà soċjali ħabbar li dan huwa d-9 proċess ta’ ħlas minn meta faqgħet l-pandemija.
Dan il-ħlas kien jinkludi fih €1,800,000 f’kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali.
Ħames t’elef disa’ mija wieħed u disgħin persuna rċevew il-benefiċċju tal-ġenituri, jew dak mediku jew inkella tad-diżabilità.
Għaldaqstant, b’dawn l-iskemi u bl-iskemi tal-Malta Enterprise, ġew salvati mal-100,000 impjieg.
Il-Ministru Michael Falzon qal li b’mod ġenerali kompliet ix-xejra ta’ dawn l-aħħar 4 ġimgħat fejn iż-żieda fin-numru ta’ applikanti ġodda qiegħda dejjem tonqos, inkluż anke għall-benefiċċju tal-qgħad.
Dan hekk kif qed jiżdied in-numru ta’ dawk li qed iwaqqfu l-ħlas tal-benefiċċji u jirritornaw għax-xogħol, fejn dawn issa laħqu l-562.