Fil-marina ta’ Portomaso ittellgħet l-attività ‘Fishing For Puttinu’, b’kollaborazzjoni ma’ Mister Fish – attività li rat is-somma tiżboq ’il fuq minn €10,000 għall-karità b’risq Puttinu Cares.
Għall-ewwel sezzjoni tal-attività, kien hemm 38 parteċipant, ilkoll entużjasti ferm biex iwaddbu x-xlief għall-baħar għall-ewwel messa.
ONE News żar il-marina ta’ Portomaso fis-sessjoni ta’ wara nofsinhar, fejn hemm tkellem ma’ Adrian Nelson mill-Malta Fishing School, fejn kien qed jgħallem lit-tfal kif jippreparaw biex jistadu.
“Nipprovaw nibnu fuq il-futur. Aħna għalina l-fishing huwa sports jiġifieri llum nieħdu sehem anke f’competitions u events barra minn Malta bin-national team, u fid-dover li ntellgħu l-ġenerazzjoni li jmiss għall-isports tagħna.”
Tkellimna wkoll ma’ Stefan Borg, organizzatur u sajjied, fejn magħna saħaq kemm is-sajd hu passatemp uniku għal kull min jipprattikah.
“Sadanittant kien hawn sajjieda li ħadu gost fi spirtu sportiv iġifieri kien hawn tfal, flimkien mal-ġenituri tagħhom. Inqabad naqa’ ħut mhux ħażin f’Portomaso, jiġfieri anki dawk kollha li għadhom qatt ma pprattikaw dan id-delizju tas-sajd huwa delizju sabiħ ħafna li jirrilassak u jaqtak mill-kumplament tad-dinja.”
Il-ħut kollu li nqabad ġie rilaxxat lura fil-baħar.