B’investiment ta’ iktar minn miljun u mitejn u ħamsin elf ewro qed isiru ħdax-il proġett ta’ riċerka u innovazzjoni fl-oqsma tal-enerġija u l-ilma.
Permezz ta’ dawn il-proġetti qed jinstabu soluzzjonijiet għal sfidi u sitwazzjonijiet li jiffaċċja pajjiżna.
Fl-ewwel u t-tieni sejħa għal proġetti, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma permezz ta’ din l-iskema fir-riċerka u l-innovazzjoni tat medja ta’ iżjed minn mitt elf ewro lil kull proġett.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet tħabbret it-tielet sejħa, fejn l-applikanti jistgħu japplikaw għal massimu ta’ mitejn elf ewro għal kull proġett.
Dawn il-proġetti għandhom jindirizzaw oqsma li jgħinu favur aktar sostenibbilità. Fil-fatt, fostoħrajn, hemm proġetti fuq panelli fotovoltajiċi u ħażna tal-batteriji u sistemi ta’ konservazzjoni tal-ilma fl-agrikoltura.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif huwa ta’ sodisfazzjon li l-Gvern jgħin riċerkaturi sabiex jaħdmu favur bidliet sostenibbli.
Qalet, “Irridu nkunu aktar ambizzjużi, sew fejn jidħlu soluzzjonijiet għall-enerġija alternattiva u anki fejn ikollna soluzzjonijiet għal konservazzjoni tal-ilma u biex inkunu aktar ambizzjużi għandna bżonn soluzzjonijiet innovattivi u hawnhekk fejn tidħol ir-riċerka u l-innovazzjoni.”
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti ħeġġeġ lis-setturi pubbliċi u privati sabiex jieħu sehem f’din is-sejħa sabiex jiġu żviluppati proġetti li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ilma.
Qal, “Ir-riċerka huwa dak l-istadju fejn isir l-istudju, l-investigazzjoni, l-analiżi, fejn imbagħad ir-riżultat tar-riċerka toħroġ l-innovazzjoni. Prodotti, servizzi jkomplu jagħmlulna l-ħajja aħjar, insiru aktar effiċjenti u produttivi u propju llum assistejna għal din it-tnedija, waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern, li huwa l-użu responsabbli tal-enerġija u l-ilma.”