Fil-jiem li ġejjin se jkunu se jkunu qed jiġu eletti disa’ deputati oħra f’isem il-Partit Laburista, dan hekk kif disa’ kandidati eletti, ġew eletti minn żewġ distretti elettorali. Allura huma jkollom iċedu distrett minn dak li telgħu minnu.
L-elezzjoni każwali jsiru wara li l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista jiddeċiedi liema distrett il-kandidat irid iwaqqa’.
Imbagħad jiftħu n-nomini għal dawk li jkunu jixtiequ jitfgħu n-nomini tagħhom sabiex jiġu eletti fil-Parlament.
Id-distretti li fihom tista’ ssir elezzjoni każwali huma it-tieni, it-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-sitt, is-seba’, it-tmien, id-disa’ l-għaxar u l-ħdax il-distrett.
Michael Falzon, Delegat tal-Partit Laburista fil-Kummissjoni Elettorali saħaq ma’ ONE News li dawn l-elezzjonijiet se jkunu qed isiru b’mod elettroniku bħal ma sar fl-elezzjoni ġenerali u għalhekk mhux se jerġgħu jinfetħu l-voti tal-kandidati eletti l-informazzjoni qiegħda kollha maħżuna fis-sistemi tal-Kummissjoni Elettorali.
Qal, “Hawnhekk hija differenti, il-logħba. Hawnhekk qed ngħidu meta taqbeż nofs il-kwota. Dak l-ewwel wieħed li jibda jiret u jieħu nofs il-kwota jiġi elett hu. Hija proċedura stabilita, fil-liġi elettorali, li meta ssir imbagħad ikun finalizzat il-kompożizzjoni tal-Parlament.”
Falzon spjega li ma’ dawn il-kandidati li se jiġu eletti, imbagħad jistgħu jiġu eletti sa 12-il kandidat ieħor nisa miż-żewġ partiti. Dan minħabba l-emendi għall-aktar rappreżentanza ugwali fil-Parlament u għalhekk ikun hemm erbgħin fil-mija tar-rappreżentanti nisa. Fil-fatt f’din l-elezzjoni ġew eletti biss erba’ nisa fil-Parlament miż-żewġ partiti. Dawn il-kandidati nisa se jiġu magħżula skont l-ammont tal-ewwel preferenzi li ġabu u jiġu eletti mingħajr kwota.
Qal, “Jekk se jiġu eletti nisa fil-Parlament dan irid jirrispetta l-proporzjoni tal-first time votes in kwantu tas-siġġijiet.”
Michael Falzon tkellem ukoll dwar il-proċess elettorali b’mod partikolari l-għadd tal-voti, li għall-ewwel darba sar b’mod elettroniku u mhux bil-mod tradizzjonali bil-garzelli. Fil-fatt dan kien lest sa erbgħa u għoxrin siegħa wara li waslu l-kaxxi tal-voti fis-sala tal-għadd tal-voti waqt li s-soltu ġieli kien jieħu sa erbat ijiem wara.
Madankollu Falzon qal li dejjem hemm fejn wieħed itejjeb f’din is-sistema.
Qal, “Il-Kummissjoni Elettorali ma tagħti l-ebda indikazzjoni fl-ebda ħin kif sejrin, qabel il-kandidati kienu jaraw il-garzella, u meta tiskenja dak l-eżerċizzju mhux isir.”
Falzon temm ifaħħar ħidmet l-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista mmexxi mill-Kap Louis Gatt, li fl-aħħar ġimgħat ħadem bla waqfien biex ikollna proċess kontabli u li jirrifletti x-xewqa u l-verdett tal-poplu.