Tmiem il-ġimgħa li għadda, u dawn l-aħħar tlett ijiem, kien perjodu li għal darb’ oħra b’festa pubblika, ra influss qawwi ta’ Maltin u turisti li għażlu l-gżira tat-tliet għoljiet biex iqattgħu ftit jiem ta’ mistrieħ.
Ċifri li kiseb ONE News juru li bejn il-Ġimgħa 3 ta’ Settembru u l-Erbgħa 8 ta’ Settembru, qasmu l-fliegu aktar minn 98,000 persuna u 37,000 vettura f’566 vjaġġ bil-vapuri tal-Gozo Channel.
Meta wieħed iqabbel dawn iċ-ċifri ma’ dawk fl-istess perjodu tas-sena l-oħra, jirriżulta li n-nies li għażlu lil Għawdex għall-festa tal-Vitorja din is-sena, żdiedu bi kważi 10,000.
Il-port taċ-Ċirkewwa kien l-aktar bieżel il-Ġimgħa u s-Sibt rispettivament, filwaqt li dak tal-Imġarr ra l-aktar attività t-Tlieta.
Iċ-ċifri għal dan il-perjodu din is-sena huma ftit eluf inqas mis-sena ta’ qabel il-pandemija, li jindikaw irkupru tajjeb fis-settur tat-turiżmu, anki dak domestiku.
Dwar dan l-andament pożittiv f’Għawdex tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat.
Muscat stqarr, “Dan il-weekend u l-ġranet ta’ wara ta’ din il-ġimgħa jidher ukoll li kien perjodu tajjeb. Mir-rapporti li għandna nistgħu ngħidu li dawn kienu ġranet tajbin għall-istabbilimenti turistiċi Għawdxin, minkejja l-fatt li għadna għaddejjin minn pandemija u d-diffikultajiet li dan qed toħloq fl-industrija tat-turiżmu.”
Joe Muscat wera sodisfazzjon ukoll għall-fatt li ma kinux biss Maltin li marru Għawdex għall-mistrieħ, imma anki t-turisti qed ifittxu lill-gżira tat-tliet għoljiet bħala destinazzjoni għall-btala tagħhom.