Wara xhur ta’ ħidma kbira, infirex mal-ibliet u l-irħula kollha Maltin il-ġbir tal-iskart organiku. Dan wara proġett pilota li introduċa l-borża tal-iskart li ġej mill-ikell f’għadd ta’ lokalitajiet u Għawdex kollu.
ONE News jinsab informat li sal-17:00, kienu nġabru aktar minn 95 tunellata ta’ skart li ġej mill-ikel minn mal-pajjiż kollu.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Waste Serve Tonio Montebello qal li minkejja l-intoppi tax-xita fl-ewwel jum kollox mexxa kif ippjannat.
Huwa wera wkoll is-sodisfazzjon tiegħu li l-poplu laqa’ din l-inizjattiva li għandha l-għan li jonqos l-użu tal-borża s-sewa u l-iskart li jispiċċa fil-landfill:
“Il-parteċipazzjoni hija kbira, konna sorpriżi bil-mod pożittiv li l-pubbliku ipparteċipa, ovvjament hemm numru ta’ lokalitajiet li nies ħarġu l-borża s-sewda barra, u hemmhekk waħalna stickers ħomor biex nuruhom lin-nies li żbaljaw”.
Il-borża l-bajda se tibda tinġabar it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa. Din tinkludi l-ikel imsajjar u nej inkluż l-għadam, il-ħut u l-frott tal-baħar, ħobż u għaġin, frott u ħaxix immuffati, qxur tal-frott u ħxejjex, boroż tat-te u kafè mitħun, qxur tal-bajd, srievet tal-karti u karti maħmuġin, weraq u fjuri.
Min-naħa l-oħra l-borża l-griża li tinkludi karti u plastik se tinġabar f’jiem differenti skont id-deċizjoni tal-kunsill rispettiv, filwaqt li dik sewda li tinkludi kull tip ta’ skart se tinġabar skont l-iskeda tal-Kunsilli Lokali:
“Imbagħad il-Kunsilli kollha ddeċidew kif jaqblilom jiġbru l-borża s-sewda minħabba l-fatt li għandek lokalitajiet li għandek numru għoli ta’ turisti, u lokalitajiet oħra li għandhom djar fil-kampanja, kull Kunsill għamel l-iskema tiegħu u dak li jkun jara mal-Kunsill tiegħu dwar is-sewda”.
L-iskart organiku se jintuża għall-produzzjoni tal-enerġija u li mistenni jwassal elettriku nadif lura lir-residenti.
Wara li jiġi użat għall-produzzjoni tal-enerġija, il-materjal jista jinbidel f’fertilizant naturali għall-ħamrija:
“Sal-lum, peress li fis-sewda jkollok ħafna contamoination, għada pitgħada meta niċċertaw li l-iskart organiku huwa nadif dan ma jintremix iżjed fil-landfill imma jintuża bħala soil improver”.
L-Inġinier Montebello qal kif s’issa disgħin fil-mija tad-djar ta’ Malta u Għawdex għandhom il-kontenitur l-aħdar. Qal li minn għal raġuni jew oħra għad ma’ għandux jista’ juża borża bajda jew trasparenti. Madankollu assigura li dawn se jitqassmu fil-jiem li ġejjin.