Il-gżira Għawdxija reġgħet kienet id-destinazzjoni preferuta għal eluf ta’ Maltin u turisti fil-jiem meta f’pajjiżna ġew iċċelebrati l-festi ta’ Santa Marija.
Dan jikkonfermawh ċifri li kiseb ONE News u li juru kif mill-Ħamis 11 ta’ Awwissu sa’ nhar Santa Marija, qasmu l-fliegu bl-erbgħa vapuri tal-Gozo Channel, aktar minn 93,345 persuna.
In-numru ta’ vetturi li rikbu l-vapuri tal-Gozo Channel miż-żewġ portijiet, jiġifieri dawk taċ-Ċirkewwa f’Malta u l-Imġarr f’Għawdex, ammontaw għal aktar minn 31,217.
Fl-istess waqt, f’dawn l-erbgħa t’ijiem, l-MV Gaudos, l-MV Ta’ Pinu, l-MV Malita u l-MV Nikolaos, għamlu bejniethom 502 bejn iż-żewġ gżejjer.
Fil-fatt, in-numru ta’ vjaġġi li saru u vetturi li qasmu l-fliegu fl-2022 qabżu sew dawk tal-aħħar tliet snin, jiġifieri l-2021, l-2020 u l-2019.
Dan minkejja li l-2019 kienet l-aktar sena b’saħħitha f’dak li għandu x’jaqsam turiżmu f’pajjiżna.
B’hekk, qed ikompli jiġi kkonfermat l-irkupru b’saħħtu f’pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam il-qasam tat-turiżmu, partikolarment it-turiżmu domestiku, mill-effetti li ġabu magħhom ir-restrizzjonijiet tal-pandemija.
Dan jawgura tajjeb ukoll għall-qasam turistiku Għawdxi, li kull ma jmur qed ikompli jikber u jissaħħaħ.