92.3% mill-418-il membru fl-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, eliġibbli biex jivvotaw fil-proċess dwar il-ftehim kollettiv maqbul mal-Gvern għall-MCAST taw l-approvazzjoni tagħhom.
Dan wara li, f’April li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar li ngħalqu n-negozjati mal-unjin biex issa l-għalliema u l-letturi se jgawdu minn titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Il-proċess ġie konkluż b’suċċess wara diversi trattattivi u diskussjonijiet, li involvew direttament lill-Ministru għall-Edukazjoni, Clifton Grima.
L-MUT qalet, fi stqarrija, li kkomunikat mal-Ministru dwar il-vot tal-membri tagħha biex jipproċedi fl-iffirmar tal-ftehim, waqt li rringrazzjat lil dawk kollha involuti biex waslu għal dan ir-riżultat pożittiv li waslu għalih għall-ġid tal-akkademiċi.