Is-sena l-oħra, il-maġġoranza assoluta taċ-ċittadini Maltin, li għandhom bejn is-sittax u l-erbgħa u sebgħin sena għamlu użu mill-internet.
Dan ħareġ mill-Istħarriġ dwar l-Użu tat-Teknoloġija tal-Informatika u l-Komunikazzjoni mill-Familji, li parti minnu kien iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, li ġie ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Hawnhekk ħareġ li f’Malta aktar minn tnejn u disgħin fil-mija għamlu użu mill-internet. Din ir-rata ta’ pajjiżna s-sena l-oħra tiżboq il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li għandhom rata ta’ aktar minn wieħed u disgħin fil-mija.
Minn dawn iċ-ċifri joħroġ ukoll li l-maġġoranza assoluta ta’ dawk li għandhom bejn is-sittax u l-erbgħa u tletin sena jużaw l-internet. Dan filwaqt li kważi disgħa u sittin fil-mija ta’ dawk li għandhom bejn il-ħamsa u sittin u l-erbgħa u sebgħin sena jużaw l-internet.
Minn dan l-istħarriġ joħroġ li l-internet kien użat l-aktar għall-komunikazzjoni u anki sabiex ifittxu għall-informazzjoni, b’dawn it-tnejn kienu jaqbżu d-disgħin fil-mija ta’ dawk li wieġbu f’dan l-istħarriġ.