Il-ftehim settorjali għall-edukaturi ġie approvat b’vot b’saħħtu mill-unjin tal-għalliema, l-MUT.
Fil-fatt, is-Sibt filgħaxija stqarrija minn din il-unjin ħabbret kif minn elfejn, erba’ mija u tnejn u sittn edukatur li kienu eleġibbli jivvutaw, kienu elfejn mija u tmien edukaturi li xeħtu l-vot tagħhom.
Minn dawn, elf, disa’ mija, ħamsa u erbgħin persuna approvaw dan il-ftehim settorjali, jew ftit aktar minn tnejn u disgħin fil-mija tal-voti mixħuta. Dan filwaqt li mija, tlieta u sittin vvutaw kontra u ħamsa u tletin oħra astjenew.
Dan il-vot wassal biex l-MUT, formalment infurmat lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Clifton Grima, biex jipproċedi bil-proċess tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim, filwaqt li l-istess unjin irringrazzjat lil dawk kollha involuti biex inkiseb dan ir-riżultat.
B’rabta ma’ dan tkellimna mal-Ministru Grima, li spjegalna x’inhu l-pass li jmiss f’dan il-proċess.
Qal, “Issa l-pass li jmiss huwa li propju jkun hemm qbil bejn il-Malta Union of Teachers u anke l-Gvern sabiex immorru għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim. Iffirmar ta’ ftehim li ħa jkun qiegħed jara b’mod immedjat jiskattaw diversi benefiċċji marbuta ma’ dan il-ftehim, ftehim illi qiegħed jagħti r-rikonoxxenza tagħna lill-edukaturi, l-edukaturi li tant huma importanti sabiex it-tfal f’dan il-pajjiż jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.”
Apparti minn hekk, huwa nnota t-titjib konsiderevoli li se jixpruna dan il-ftehim settorjali fil-karrieri professjonali tal-għalliema, li se jservi wkoll biex jattira aktar żgħażagħ li jaspiraw karriera fl-edukazzjoni.
Qal, “Imma b’dak li qegħdin inqegħdu fuq il-mejda b’dak li ħa jibda jibbenefika minnu l-edukatur u anke bl-aretrati li ħa jirċievu l-edukaturi kollha f’dan is-settur ħa nkunu qegħdin naraw inċentivi ġodda sabiex, iva, nattiraw aktar żgħażagħ lejn il-professjoni. Professjoni li tant hija importanti fl-iżvilupp ta’ kull pajjiż.”
Il-Ministru Grima nnota wkoll kif dan il-ftehim settorjali se jirrifletti fuq l-istudenti.
Qal, “Ovvjament imbagħad għandek l-aspett l-ieħor, l-aspett illi meta jkollok l-edukatur li jkun kuntent, l-edukatur li jħossu stmat u anke sodisfatt, l-istudent fil-klassi ħa jkun qed jibbenefika, jibbenefika minn l-edukaturi li qegħdin jagħtu l-mija fil-mija taghħom. Edukaturi li jħossuhom li għandhom irwol importanti anke fl-iżvilupp ta’ kull tifel u kull tifla fil-klassijiet madwar Malta u Għawdex.”
Ftit wara li tħabbar dan kollu, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif il-Gvern żamm kelmtu biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-edukaturi b’mod sinifikanti.
Fuq il-midja soċjali, Dr Abela rrimarka kif l-edukazzjoni hija waħda mill-pilastri li l-Gvern se jkompli jaħdem fuqhom u qal li l-Gvern se jkompli jibni fuq il-kundizzjonijiet li jixirqu għal aktar ħaddiema, b’mod partikolari permezz ta’ pagi aħjar.