Aktar minn 900 kelb u qattus ġew salvati tul dawn l-aħħar tmien xhur mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali.
F’konferenza diġitali, il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal kif matul l-ewwel 8 xhur ta’ din is-sena, kien hemm madwar 4,000 telefonata fuq il-1717, li għalihom intbagħtet ambulanza. Dawn is-sejħiet irriżultaw f’518-il kelb li ġew salvati, kif ukoll madwar 400 qattus.
Il-Ministru Refalo rringrazzja lit-tim kollu tal-Animal Welfare għax-xogħol iebes li jagħmlu b’dedikazzjoni kbira, kif ukoll lill-NGOs u l-voluntiera kollha li jgħinu biex l-annimali isibu dar ma’ familji li jkunu verament iħobbuhom u jkunu dedikati għalihom.
Għal din il-konferenza ġew mistiedna NGOs u voluntiera li jaħdmu mal-annimali, il-kunsilli lokali, il-Kunsill għall-Harsien tal-Annimali, kif ukoll il-Kummissarju għad-drittijiet tal-Annimali.
Il-Ministru Refalo enfasizza kemm kulħadd għandu rwol importanti fil-kisba għall-għarfien billi nqajmu aktar kuxjenza dwar kwistjonijiet relatati mal-ħarsien tal-annimali, filwaqt li noffrulhom spazju fil-komunità tagħna bi kwalità ta’ ħajja kif jistħoqqilhom. Il-Ministru rrikonoxxa l-kontribut tal-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali bil-kontribuzzjoniji valida tagħhom.
Permezz ta’ diversi programmi ta’ finanzjament offruti lill-NGOs, il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali provda ’l fuq minn €200,000 f’assistenza fl-2019, filwaqt li l-kunsilli lokali li kkwalifikaw għall-iskema LC Care se jiġu pprovduti ’l fuq minn €170,000 hekk kif jitlestew il-proġetti tal-2019. Il-konkorrenza fl-2020 kienet akbar u l-Ministru assigura li se jkompli jwettaq ħidma akbar f’dan il-qasam permezz ta’ proġetti interessanti bil-kollaborazzjoni tal-kunsilli lokali.
Il-Ministru Refalo temm id-diskors tiegħu billi tenna li permezz ta’ din l-okkażjoni, il-parteċipanti kollha ngħataw l-opportunità li jisimgħu dwar proġetti relatati mal-ħarsien tal-annimali li nkisbu grazzi għall-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-komunitajiet lokali u dawk kollha li kienu involuti direttament fil-kura tal-annimali. Il-Ministru saħaq fuq l-importanza sabiex flimkien titkompla l-ħidma għall-benefiċċju tal-annimali kollha fil-komunità tagħna.