Minn meta beda jopera s-servizz tal-Crisis Resolution Home Treatment, f’Diċembru tal-elfejn u wieħed u għoxrin, ġew mitkellma u segwiti mal-ħames mitt pazjent.
Dan is-servizz jagħti għajnuna psikjatrika, anke fid-djar tan-nies, f’mumenti ta’ kriżi, bil-għan li l-maġġoranza tagħhom jibqgħu fil-komunità, minflok jispiċċaw fi sptar.
Dan is-servizz jingħata minn tim ta’ professjonisti, li jinkludi psikjatri, psikologi, tobba u infermieri.
ONE News qatta’ jum ma’ wieħed mit-timijiet li joffru dan is-servizz u bakkar fil-binja li qiegħda viċin l-Isptar Monte Carmeli, iżda fl-istess ħin maqtugħa u toffri ambjent san fejn dawn il-persuni jħossuhom komdi jitkellmu dwar dak li jtaqqalhom fil-ħajja.
Ġurnata tax-xogħol għal dawn il-professjonisti tibda dejjem b’laqgħa bejniethom biex jiddiskutu l-każijiet u l-aħjar għajnuna li jistgħu jagħtu lill-pazjenti, skont il-problemi li jkunu qed jiffaċċjaw.
Iċ-Charge Nurse, Doreen Calleja spjegatilna d-definizzjoni ta’ “kriżi” u, allura, it-tip ta’ pazjenti li jgħin dan is-servizz.
Qalet, “Individwu li jkun għaddej minn kriżi ta’ saħħa mentali u jippreżenta l-Emerġenza jkun għaddej minn żmien li jkollu, jew deterjorazzjoni u diġà jkun hemm problema ta’ saħħa mentali, jew inkella jkun għaddej minn sitwazzjoni li jwaqqaf mill-funzjonalità tiegħu ta’ kuljum. Ukoll ikun hemm individwi li jesperjenzaw ħsibijiet ta’ suwiċidju.”
F’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż diġà jeżisti servizz ta’ outreach, fejn pazjenti bi sfidi ta’ saħħa mentali jmorru fi kliniċi apposta u jieħdu għajnuna psikoloġika b’xejn.
Iżda li qed jiġri differenti b’dan is-servizz hu li, wara li persuna tidħol l-Emerġenza bi kriżi mentali, tiġi riferuta għal dan it-tim, li fi ftit sigħat jagħmel kuntatt magħha u joffrilha l-aħjar għajnuna skont il-każ.
Ħafna drabi, dan is-servizz jingħata fid-djar stess tal-pazjenti.
Ħriġna mat-Tabib Gabriel Ellul u żewġ infermieri biex insegwu l-proċess waqt iż-żjarat fid-djar. Fil-jum, li nzertajna konna magħhom aħna, morna għand żewġ pazjenti.
Filwaqt li f’każijiet sensittivi bħal dawn tingħata prijorità assoluta lill-kunfidenzjalità, it-tabib spjegalna d-dinamika tal-ewwel każ, l-għada li anzjan kien qed ikun aggressiv mal-mara u ttieħed l-Emerġenza, għax kien jinsab fi kriżi mentali.
Qal, “Fil-każ tagħna li xtaqna huwa li llum nintervjenu billi l-persuna narawha d-dar, naraw li l-ambjent tad-dar huwa sigur, niggarantixxu li anke l-persuni madwaru huma fi stat sigur, u l-mediċina li konna bdejna meta konna l-Emerġenza stajna nsegwuha wara ġimgħa u naraw l-effett tagħha fuq il-persuna, fosthom billi naraw jekk il-persuna għandhiex l-istess ħsibijiet li kienu qed iżidu l-aggressjoni, u b’hekk ngħidu ara mela, qegħdin safe.”
It-tieni każ involva adult li kellu trawma fuq il-post tax-xogħol.
Qal, “It-tieni wieħed kien każ ta’ persuna li beda jaħseb ħafna fuq ħajtu fejn sejra, sal-punt li beda jaħseb ukoll jekk ħajtu għandhiex tintemm, f’sitwazzjoni fejn kellu stress kbir fil-post fejn kien jaħdem. Kultant l-istress, jekk ma nsibux l-għajnuna u jkun partikolarment devastanti, iwassal għal żvilupp ta’ kundizzjonijiet bħall-PTSD, ansjetà u depression, u ma’ din il-persuna li stajna nagħmlu huwa li nindirizzaw dawn l-affarijiet anke b’interventi u nsegwu l-persuna regolarment, għax xi kultant anke l-kuntatt uman jgħin ħafna, imma anki billi nirranġaw il-mediċini u naraw l-effett tagħhom jaħdem.”
Hu spjegalna d-differenza li jagħmlu żjarat fid-djar tal-pazjenti meta mqabbla ma’ appuntamenti f’ambjent kliniku.
Qal, “Għandek dak il-kuntatt uman li tara lill-persuna hi min hi fil-ħajja tagħha, kif ukoll is-sitwazzjoni fejn qed tara d-dinamika ta’ kif isiru l-affarijiet fil-familja, u għandek ukoll b’mod kliniku tista’ tħoss is-sitwazzjoni tad-dar u kif qed taffettwa s-saħħa mentali tal-individwu, u dik ovvjament tgħin ħafna fil-kwalità tal-ħajja tal-individwu u fil-kura li nistgħu nagħtu aħna.”
L-appell hu biex kull min jgħaddi minn sfidi mentali, u speċjalment jekk iħossu fix-xifer, iċempel fuq in-numru 1579.
Dan il-helpline tnieda lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet mill-Ministeru għas-Saħħa, u hu miftuħ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Qal, “Jekk inti jew xi qraba jew ħbieb tafu lil xi persuna għaddejja minn sitwazzjoni diffiċli u l-attitudni tagħhom qed tinbidel, kunu hemm ta’ appoġġ u dejjem offru li jew tgħinuhom billi jċemplu 1579 jew jattendu l-Emerġenza jekk tkun vera f’mument akut, biex jaċċessaw is-servizzi tagħna.”