Minn meta f’Diċembru li għadda beda jopera s-servizz li jagħti għajnuna psikjatrika, anki fid-djar tan-nies, f’mumenti ta’ kriżi, ġew mgħejjuna mitejn u tmintax-il persuna, li aktar minn disgħin fil-mija minnhom baqgħu jieħdu l-għajnuna fil-komunità.
Dan is-servizz ġdid, imsejjaħ “Crisis Resolution Home Treatment”, qed joffri għajnuna psikjatrika lill-adulti f’ħinijiet sensittivi ta’ kriżi.
Fil-binja ġdida ddedikata għal dan is-servizz, li qiegħda viċin Monte Karmeli iżda fl-istess ħin maqtugħa bi spazji u ġonna li joffru ambjent san fejn dawn il-persuni jħossuhom komdi jitkellmu dwar dak li qed itaqqalhom, iltqajna ma’ Dr Giovanni Grech, wieħed mill-ispeċjalisti tal-psikjatrija li jmexxi dan is-servizz.
Huwa spjegalna d-definizzjoni ta’ “kriżi” mill-aspett mediku.
Qal, “Kriżi ta’ saħħa mentali hija meta jkun hemm persuna li jkollha tibdil fl-istat mentali tagħha li twassal biex dik il-persuna tbati biex tkampa mal-affarijiet tal-ħajja ta’ kuljum jew inkella jkollha riskju lejn il-persuna jew inkella lejn ħaddieħor.”
Dan is-servizz jingħata minn tim ta’ professjonisti li jinkludi psikjatri, psikologi, tobba u infermiera.
L-infermier Malcolm Bezzina spjegalna kif l-aktar sitwazzjonijiet komuni li jwasslu għal kriżijiet huma dawk ta’ problemi fir-relazzjonijiet.
Qal, “Qegħdin naraw każijiet ta’ ansjetà, dipressjoni u adjustement disorders, fejn xi kultant ikollok problemi jesperjenzaw problemi f’relazzjoni, anki fuq il-post tax-xogħol.”
F’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż diġà jeżisti servizz ta’ outreach, fejn pazjenti bi sfidi ta’ saħħa mentali jmorru fi kliniċi apposta u jieħdu għajnuna psikoloġika b’xejn.
Iżda li qed jiġri differenti issa huwa li wara li persuna tidħol l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei bi kriżi mentali, tiġi riferuta għal dan it-tim u fi ftit sigħat, tiġi kkuntattjata u tingħata l-għajnuna li jkollha bżonn.
Qal, “Dan is-servizz jgħin sabiex persuna ma tiddaħħalx l-isptar allura aħna noffru follow up malajr ma’ persuni li jkunu qegħdin fi kriżi fejn qabel dak li jkun kellu bżonn jistenna iktar għal appuntament.”
Ħafna drabi, dan is-servizz qed jingħata fid-djar stess tal-pazjenti.
Qal, “Nagħmlu kuntatt mal-persuna u nuruha s-servizzi available li jkollna. Ikun hemm min jagħżel li anki mmorru fid-dar tiegħu, ikun hemm anki min m’għandux mezzi ta’ trasport allura s-servizz jista’ jilħaq lil dawn in-nies ukoll.”
Dr Giovanni Grech qalilna li minkejja li kull persuna mgħejjuna tagħtih sodisfazzjon, l-aktar li jmissulu qalbu huma dawk il-pazjenti li jkunu f’xifer il-mewt u jsalvaw.
Qal, “L-iktar li jolqtuni huma każijiet li jkun hemm persuna li tagħmel attentat kbir fuq ħajjitha u per eżempju tiġi rikoverata ġewwa l-ITU. Wara li jkunu rikoverati medikament jiġu riferuti lilna u aħna permezz tas-servizz tagħna nissapportjawhom sabiex huma jkunu jistgħu jkomplu b’ħajjithom.”
Il-maġġoranza tan-nies li għal xi raġuni, għaddew minn kriżi mentali, kellhom bejn għoxrin u erbgħin sena, u l-istastika turi li l-idea li l-aktar li jgħaddu minn dawn il-problemi huma nisa hija żbaljata, għaliex nofs il-persuni li ġew bżonn is-servizz, kienu fil-fatt irġiel.