Stħarriġ fost turisti li vjaġġaw lejn Malta bejn Diċembru u Frar wera li waħda mill-aqwa tliet raġunijiet li ħajrithom iżuru l-gżejjer kienet it-temp. Tul dawn it-tliet xhur, li flimkien jagħmlu x-xitwa meteoroloġika, tkejlu aktar minn 490 siegħa ta’ xemx u t-temperatura tal-arja qatt ma tbaxxiet aktar minn 6˚C biex b’hekk laħqet medja ta’ 13.5˚C għall-istaġun. Kemm l-ogħla temperatura tal-arja ta’ 20.2˚C u kemm dik l-aktar baxxa ġew irreġistrati f’Diċembru. Il-medja tal-baħar ta’ 17.9˚C li ġiet irreġistrata f’Diċembru kienet l-ogħla għall-istaġun, u qabżet in-norma klimatika għat-12-il xahar tas-sena marġinalment. It-temperaturi medji ta’ wiċċ il-baħar ta’ Jannar (16.5˚C) u ta’ Frar (15.8˚C) qabżu n-norma klimatika b’0.7˚C u 0.8˚C, rispettivament.
Ix-xhur tax-xitwa gawdew minn bosta jiem xemxin, b’ħames ġranet tul l-istaġun ikunu mdawlin ħafna u li matul kull waħda minnhom ix-xemx ħarġet għal bejn 9.2 u 10 sigħat. Min-naħa l-oħra, sitt ijiem mid-90 jum tax-xitwa kienu partikolarment mudlama hekk kif ma rawx xemx.
Filwaqt li l-kondizzjonijiet tat-temp tax-xitwa ġeneralment ma kinux severi kien hemm bosta istanzi ta’ riħ qawwi, ħamest ijiem bir-ragħad, erba’ istanzi ta’ silġ, u 117mm ta’ xita mkejlin fi żmien 24 siegħa. Wara xahrejn li kienu sinifikattivament aktar xotti, b’181.4mm mill-ammont totali ta’ 239mm ta’ xita li tkejjel fix-xitwa, Frar kien l-aktar staġun li fih niżlet xita u t-tieni l-aktar xahar li fih qatt niżlet xita mill-1923.
Filwaqt li t-tliet xhur tax-xitwa kienu aktar mirjieħa milli mistenni, b’veloċità medja ta’ 11.1 knots, Jannar kien l-aktar xahar mirjieħ tal-istaġun. F’dan ix-xahar ġiet imkejla wkoll il-buffura l-aktar qawwija tax-xitwa, li nefħet b’veloċità ta’ 47 knots mill-Majjistral fit-2 ta’ Jannar.
ĦARSA LEJN IT-TEMP F’MARZU
Issa li dħalna sew fir-rebbiegħa, ħarsa lejn ix-xahar ta’ Marzu turi li x-xahar kien aktar imdawwal, aktar sħun u aktar mirjieħ milli mistenna f’dan iż-żmien tas-sena.
Is-sigħat tax-xemx għax-xahar ammontaw għal total ta’ 238.8 u t-temperatura massima tal-arja qabżet innorma klimatika b’0.9˚C biex laħqet massimu ta’ 23.5˚C fit-tieni jum.
L-ammont totali ta’ xita ta’ 37.9mm li ġie rreġistrat tul ix-xahar kien ogħla milli mistenni għal dan iż-żmien tassena. 27.2mm minn dan it-total, kif ukoll waħda mill-istanzi ta’ silġ għax-xahar, kienu rreġistrati fit-23 ta’ Marzu.
Il-veloċità medja tar-riħ għax-xahar kienet ta’ 11.2 knots, li laħqet massimu ta’ 41.8 knots fil-25 ta’ Marzu.