Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri ħabbar li diġà daħlu ’l fuq minn 90 applikazzjoni għall-iskema ta’ restawr tad-dgħajjes. Is-Segretarju Parlamentari qal li ftit tal-ġimgħat biss wara li tħabbar il-Baġit 2019, tnediet din il-miżura sabiex is-sajjied jibda jibbenefika minn dawn il-fondi bla dewmien.
Camilleri spjega li din l-iskema hija ffukata prinċipalment biex tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-applikanti eliġibbli u interessati biex japplikaw għaliha. Huwa qal li l-fondi ta’ din l-iskema jammontaw għal €100,000 u qegħdin jibbenefikaw minnhom sidien ta’ bastimenti tal-injam li d-data tal-kostruzzjoni tagħhom hija qabel l-2007.
Camilleri kompla jgħid li apparti mill-aspetti finanzjarju u settorali, dawn il-bastimenti għandhom ukoll valur kulturali u storiku, u b’hekk għandhom ikunu ppreservati tajjeb, filwaqt li spjega li din l-iskema għandha tgħin fil-preservazzjoni kulturali tal-flotta tas-sajd lokali u għandha jkollha impatt pożittiv fuq it-turiżmu lokali fiż-żoni tal-port. Fil-fatt din l-iskema ħa tkun qed tgħin fil-preservazzjoni kulturali tal-flotta tas-sajd lokali u tħalli b’mod pożittiv is-settur turistiku lokali, speċjalment fiż-żoni tal-port. Għalhekk, bl-għoti ta’ appoġġ finanzjarju, il-bastimenti jistgħu jinżammu aħjar, u jirriżultaw viżwalment fi flotta aħjar. Clint Camilleri sostna li dan l-investiment għandu jsaħħaħ il-kunċett tat-turiżmu lokali, fattur importanti ħafna li jgħin biex in-negozji lokali jibqgħu ħajjin u jżommu l-identità tradizzjonali tal-villaġġ.
Din l-iskema ħa tkun qed tgħin fil-preservazzjoni kulturali tal-flotta lokali tas-sajd u hija mmirata lejn il-kategoriji professjonali tas-sajd MFA u MFB. Sabiex wieħed jibbenefika minn din l-iskema, il-bastiment irid jkun: tal-injam, bis-sena ta’ kostruzzjoni datata qabel l-2007 (is-sena bażi inkluża wkoll) u jaqa’ taħt wieħed minn dawn it-tipi: Firilla, Frejgatina, Kajjik jew Luzzu.
Fl-aħħar nett is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd Camilleri ħeġġeġ lil dawk kollha eliġibbli li għadhom ma applikawx għal din l-iskema biex japplikaw għaliex fadal biss ftit jiem. Fil-fatt l-applikazzjonijiet jagħlqu nhar it-Tlieta l-15 ta’ Jannar. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura fuq 2292 6800.