Fl-eqqel tas-sajf, aktar minn tmienja u ħamsin student li qed jattendu għall-klassijiet tar-reviżjoni tas-SEC, bl-eżamijiet mistennija jsiru fil-bidu tax-xahar id-dieħel. B’erbgħa u ħamsin fil-mija ta’ dawn l-istudenti huma rġiel.
Żvelat dawn in-numri l-gazzetta KullĦadd, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd.
Dawn il-klassijiet tar-reviżjoni tas-SEC bdew jingħataw mill-2014 u għenu aktar minn ħamest elef student, bi skema li kkontribwiet b’mod sinifikanti għas-suċċess akkademiku ta’ dawn l-istudenti u għalhekk ressiqthom lejn l-aspirazzjonijiet tagħhom fil-mixja akkademika.
Intqal li din hi skema mħaddma minn JobsPlus u taqbel mal-għanijiet usa’ tal-programm ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, li għandu l-għan li jiżġura li ż-żgħażagħ jiksbu l-ħiliet meħtieġa għas-suq tax-xogħol.
Din l-iskema hija kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus.
Dawn il-klassijiet ta’ reviżjoni joffru ħames ġimgħat ta’ klassijiet mingħajr ħlas f’ħames suġġetti ewlenin, li huma: l-Ingliż, il-Malti, il-Matematika, il-Fiżika jew il-Bijoloġija. Dan bil-għan li jippreparaw lill-istudenti għall-eżamijiet ta’ resit li issa jsiru f’Settembru li ġej.
Il-gazzetta KullĦadd irrapportat kif għal dawn il-klassijiet, l-aktar suġġett li applikaw għalih studenti kien il-Matematika, b’aktar minn sitt mitt student. Warajh hemm il-Malti, l-Ingliż u l-Fiżika, li applikaw għalihom aktar minn 300 student, rispettivament. Dan filwaqt li wieħed u disgħin student applikaw għas-suġġett tal-Bijoloġija.
Dawn il-klassijiet ta’ reviżjoni qed isiru f’erba’ postijiet, tlieta f’Malta u wieħed f’Għawdex u matulhom, l-istudenti jingħataw għajnuna minn edukaturi professjonali, aċċess għal videos u testijiet għat-tagħlim online u wkoll jingħataw past papers b’xejn.