Fl-Ewropa, l-epiċentru tal-pandemija tal-Coronavirus issa t-total tal-mejta qabeż it-30,000 ruħ.
Fl-Italja n-numru tal-mejta mindu bdiet it-tifqiegħa tal-Coronavirus qabeż it-13,000.
Fl-aħħar 24 siegħa mietu 727 persuna.
Intant kumpanija tal-karozzi Lamborghini fl-Italja qed jipproduċu maskli protettivi. Huma mistennija li jqassmu mal-1,000 maskla bħala donazzjoni lill-isptarijiet f’Bologna.
B’rabta mal-pandemija, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda sostna li l-Coronavirus hija l-ikbar sfida mit-Tieni Gwerra Dinjija.
Fi Spanja mietu 864 ruħ wara li kienu nfettati bil-virus.
Fir-Renju Unit il-każijiet ta’ mwiet komplew telgħin hekk kif fl-aħħar 24 siegħa 563 persuna oħra mietu bil-virus b’hekk it-total ta’ mwiet issa tela’ għal 2,352.
Fl-Olanda ġie estiż l-lockdown tal-iskejjel, ristoranti u stabbilimenti oħra għal xahar ieħor.
Intant l-awtoritajiet Amerikani qed jistmaw li l-virus jista’ jħalli mal-200,000 ruħ mejta. S’issa t-total ta’ mwiet fl-Amerika qabeż l-erba’ t’elef.
F’dan l-isfond, il-President Donald Trump ħeġġeġ lill-poplu Amerikan sabiex isegwu l-istruzzjonijiet hekk kif qis din iċ-ċirkostanza bħala dik ta’ ħajja jew mewt.
Fil-Kanada mietu aktar minn mitt persuna u fil-pajjiż hemm mat-8,500 każ ta’ persuni infettati bil-Coronavirus.
Intant fil-Korea t’Isfel is-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll u kuljum qed ikun hemm medja ta’ 100 persuna ġdida li tirriżulta pożittiv.
Fl-Indja l-każijiet komplew jiżdiedu u l-pajjiż għaddej b’ġirja kontra l-ħin biex jipproduċi aktar ventilaturi li jgħinu l-pazjenti bi problemi respiratorji.
Fl-Iran it-total ta’ mwiet issa qabeż it-3,000 b’138 persuna mejta fl-aħħar 24 siegħa.
Ritratt: Getty Images