In-numru ta’ nisa ta’ nazzjonalità Maltija li kienu jaħdmu fuq bażi full-time u part-time bħala xogħol ewlieni tagħhom sal-aħħar ta’ Lulju 2018 (l-aħħar ċifri ppublikati) kien ta’ 80,642. Dan it-tagħrif ingħata mill-Ministru Evarist Bartolo fuq mistoqsija tad-Deputat Laburista Byron Camilleri.
Il-Ministru Bartolo qal ukoll li n-numru ta’ tfal li gawdew mill-iskema ta’ childcare bla ħlas matul is-sena 2018 kien ta’ 6,737.
Il-Prim Ministru qal lil Dr Camilleri li fl-2018 seħħew 2,552 żwiġijiet f’Malta. Peress li mill-1 ta’ Settembru 2017 ġiet fis-seħħ il-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ, fir-reġistru pubbliku ma tinżammx statistika rigward il-ġeneru.
Is-sena l-oħra kien hemm erba’ unjoni ċivili f’Malta. Kien hemm koppja waħda ta’ sess differenti u tliet koppji l-oħra kienu tal-istess sess.
Il-Prim Ministru qal li matul l-2018 kien hemm 1,303 żwiġijiet li seħħew fuq opri tal-baħar inkluż cruise liners matul is-sena 2018.