Għall-bidu setgħet dehret inizjattiva li mhu se twassal għal imkien. Għaddew sitt xhur li tulhom seħħ dak li ma kienx mistenni għaliex għadd ta’ persuni resqu ’l quddiem biex jiksbu l-liċenzja ta’ mutur tat-tip 125CC. Miżura maħsuba li ttaffi t-traffiku u anke tbiddel l-attitudni fit-toroq.
Aktar minn 800 persuna tħajru li jibdew jużaw muturi tat-tip 125 CC bħala mezz ġdid ta’ trasport.
Filwaqt li hemm min diġà lesta l-10 sigħat taħriġ biex kiseb il-liċenzja speċjali u telaq għal għonq it-triq, oħrajn daqt jaslu.
Pierre Vella, mill-Kunsill għas-Sigurtà fit-Toroq, qal li stennew li l-miżura tal-baġit li tagħmilha iktar faċli biex wieħed isuq dan it-tip ta’ mutur kienet se tkun suċċess. Huwa spjega kif fl-ewwel sitt xhur kien hemm ftit inqas minn 900 parteċipant.
L-etajiet ta’ dawn is-sewwieqa jvarjaw, hemm min raha bħala sfida u hemm min raha bħala avventura ġdida. Vella spjega li l-interess fil-mutur tant kiber, li minn barra ċ-ċertifikat kien hemm min saħansitra ġab il-liċenzja tal-mutur.
Dan kien riżultat t’għaxar sigħat taħriġ, kemm prattika u teorija. Possibbli permezz ta’ ħidma bejn Trasport Malta, il-Kunsill għas-Sigurtà fit-toroq u dawk li jgħallmu l-vetturi. Sigħat li raw li jindirizzaw kull aspett tal-mutur.
Issa li fiż-żmien li ġej se nkomplu naraw bosta sewwieqa fuq żewġ roti, jonqos biss li kulħadd jadatta għal din ir-realtà. Realtà li żgur se sservi ta’ nifs u ttaffi xi ftit il-problema tat-traffiku.
Huwa għalhekk li trasport Malta se tkun għaddejja b’kampanja edukattiva fil-perjodu li t-trasport ikun fl-eqqel tiegħu.