Aktar minn 800 professjonist minn kull qasam tas-soċjetà ingħataw taħriġ dwar kif jaħdmu mal-vittmi tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru permezz tal- proġett ‘Full Cooperation – Zero Violence’.
Proġett li tmexxa mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni, u li sar b’investiment ta’ €350,000 li kienu parzjalment iffinanzjati mill-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.
Bis-sehem tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru, l-Aġenzija Apopoġġ u l-Pulizija fost entitajiet oħra parteċipi, il-proġett kien maqsum fi tliet stadji differenti, bl-ewwel fażi tibda fl-2017.Id-Direttur tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza Silvan Agius spjega li dan il-proġett sar bil-għan li titjieb is-sinerġija bejn l-entitajiet u l-professjonisti li l-aktar jaħdmu mal-vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika.
Fost dawk li rċevew taħriġ kien hemm tobba, infermiera, avukati, psikologi, social workers, ġudikanti, u pulizija. Ilkoll kienu imħarrġa fl-għodda disponibbli għalihom biex jgħinu lill-vittmi li ħafna drabi jkunu nisa f’sitwazzjonijiet mill-aktar vulnerabbli.
Il-proġett wassal ukoll għall-iffirmar ta’ memorandum ta’ qbil bejn bejn Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali u d-Dipartiment tas-Servizzi għall-Istudenti, it-tfassil ta’ protokoll interaġenzjali bejn l-Aġenzija Appoġġ u l-Pulizija li jiffoka fuq vittmi adulti, u t-twaqqif ta’ proċeduri operattivi standard bejn l-Aġenzija Appoġġ u l-Kura Primarja bil-għan li jitjiebu s-servizzi offruti lill-vittmi.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli fissret kif dan il-proġett kien ħolqa oħra mill-politika komprensiva li l-Gvern qed imexxi biex isaħħaħ l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
It-traspożizzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, magħrufa bħala l-Konvenzjoni t’Istanbul, l-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru, u l-ħidma tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex l-istess Unjoni tiffirma l-Konvenzjoni t’Istanbul huma lkoll xhieda ta’ dan l-impenn tal-Gvern fil-prattika.
Minkejja dan kollu, l-Ministru qalet li għad baqa ħafna xi jsir biex nibdlu l-mentalità, kif deher biċ-ċar fil-Parlament meta l-maġġoranza tal-Oppożizzjoni vvotat kontra l-Att li jittrasponi l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa.
Lil’hinn mill-vot, l-Oppożizzjoni dawwret l-attenzjoni minn fuq l-importanza tal-Att innifsu li saħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza għal fuq kwistjonijiet ulterjuri u infondati. “B’hekk waqt li aħna poġġejna l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika fuq l-aġenda tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, ħaddieħor għamel minn kollox biex jimmina dawn l-isforzi”.
Kif jgħid il-Malti, l-eżempju jkaxkar u dan l-istil kien imbgħad rifless f’artikli li flok kattru l-għarfien, xerrdu s-sensazzjonaliżmu.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Ministru Dalli faħħret il-ħidma tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni, li dalwaqt se jniedi proġett ieħor bit-tema ‘Breaking the cycle of violence’.
Il-proġett ‘Full Cooperation Zero Violence klassifika mal-aqwa tlieta fost il-proġetti kollha li ġew sottomessi għall-finanzjament mill-Unjoni Ewropea.