Waqt żjara li għamlu lill-ħaddiema u lill-management tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista rrikonoxxew ix-xogħol siewi li qed tagħmel din l-Awtorità.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli enfasizzat kif l-Awtorità għandha rwol ċentrali fl-iżvilupp ekonomiku u sostenibbli tal-pajjiż. Hija faħħret ix-xogħol li qed isir minn kull dipartiment fi ħdan din l-Awtorita’, fosthom it-testijiet fuq kategorji diversi ta’ prodotti li jsiru mhux biss lokalment iżda anke barra mill-pajjiż. Dan isir sabiex jiġi żgurat li l-prodotti offruti lill-konsumatur huma tal-ogħla livell u li ma jimponu l-ebda riskju serju fuq il-konsumatur. Il-Ministru Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha dwar l-istħarriġ li l-Awtorità tagħmel regolarament biex tara kif tista’ ttejjeb l-operat tagħha, u nnutat li iktar minn 80% tan-nies li fetħu każ biex jiġu mgħejjuna mill-Awtorità huma sodisfatti bix-xogħol tagħha.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista saħaq kif l-MCCAA qed timxi b’mod strateġiku fuq pjan ibbażat fuq erba’ pilastri. Primarjament, l-Awtorità qiegħda ssaħħaħ il-kuxjenza, il-fiduċja u s-sodisfazzjon tal-konsumatur u tal-operaturi ekonomiċi. Dan qed tagħmlu permezz ta’ investimenti f’sistemi tal-IT li jippermettu aċċess online lis-servizzi tal-Awtorità permezz ta’ preżenza qawwija fuq il-midja soċjali, u billi timxi fuq indakaturi effettivi li jwasslu għal iktar simplifikazzjoni. L-Awtorità taħdem biex tkun sostenibbli u tpoġġi l-innovazzjoni u n-nies fiċ-ċentru tal-operat permezz ta’ investiment fil-kwalità u l-kompetenza tal-impjegati.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-MCCAA l-Inġiniera Helga Pizzuto spjegat kif qed isir tisħiħ fil-konformità u l-infurzar tal-liġi għall-protezzjoni, kemm tal-konsumaturi, kif ukoll tal-operaturi ekonomiċi, u varat ir-riżultati ta’ studju ekonomiku indipendenti li sar sabiex tevalwa l-impatt tax-xogħol tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Irriżulta li jekk wieħed jieħu l-medja ta’ 5 snin, l-impatt ekonomiku f’termini ta’ valur miżjud gross huwa ta’ €10.2 miljuni fis-sena.
L-Inġiniera Pizzuto enfasizzat li għal kull ewro li qed jiġi investit f’dan l-uffiċċju, l-impatt ekonomiku huwa ta’ iktar minn €30.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Ronald Mizzi.